Is-17-il Ħadd matul is-sena B
L-Evanġelista Ġwanni jirrakkonta waħda mill-ġrajjiet li fihom Ġesù kattar il-ħobż u l-ħut u bihom tema’ ħamest elef raġel. Hija ġrajja li seħħet “qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.” Din diġà hija indikazzjoni li l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż huwa dewqien minn qabel ta’ dak li kellu jseħħ fit-twaqqif tal-Ewkaristija, li hi s-sagrifiċċju tal-Għid. Il-Ħadd li għadda Ġesù ra kotra kbira ta’ nies, tħassarhom u qabad jgħallimhom. Illum ukoll hu “lemaħ kotra ta’ nies” u did-darba temagħhom. Fil-Vanġelu tat-tentazzjonijiet insibu l-frażi: “Mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (ara Mt 4:4). Ġesù jxandar il-Kelma u jitma’ l-kotra bil-ħobż tal-miraklu, li bħall-manna tad-deżert, hu ħobż tas-sema. Aktar ’il quddiem hu nnifsu, li hu l-Kelma magħmula bniedem, isir ħobż li bih il-bniedem jimtela u jsir ħaġa waħda ma’ min ġie jħabbibna u jgħaqqadna ħaġa waħda mal-Missier. Il-paċi ta’ Alla trid tixtered fid-dinja permezz ta’ Ġesù, li hu l-Ħobż tal-ħajja, u tal-Insara (il-ħut) li jemmnu li Ġesù Kristu hu l-Iben ta’ Alla Salvatur.