IS-17-il Ħadd matul is-sena B
IL-ĠENEROŻITÀ TA’ ALLA
Ġesù hu attent għall-partikulari. Hu mhux biss jgħallimna naraw x’jonqos, iżda jgħallimna wkoll nipprovdu konkretament il-ħtiġijiet tan-nies. Il-providenza tiegħu sseħħ dejjem bħala komunjoni: tingħata għall-bini sew tal-ġisem u sew tar-ruħ. U dan narawh fil-Vanġelu tal-lum: flimkien mal-ġenerożità ta’ Alla hemm il-ġenerożità ta’ tfajjel li għandu biss ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Imma dawn x’inhuma biex titma’ ġemgħa kbira ta’ nies? Xejn. B’danakollu, it-tfajjel ħalliehom f’idejn Alla u dan kattarhom! Il-ġenerożità ta’ dan it-tfajjel iġġagħalni naħseb dwar l-importanza tal-edukazzjoni fil-familja. Kemm huma importanti dawn l-eżempji tal-ħajja li jgħallmuna naqsmu l-frott tal-providenza divina mal-oħrajn! Illum jaħbat il-jum dinji tal-anzjani. Ħaġa sabiħa li Papa Franġisku ħaseb f’jum biex fih nagħmlu festa lil min għallimna nilqgħu, u rroddu ħajr, u nagħtu. L-għaqal tagħhom idawwalna, fuq kollox meta hu mnebbaħ mill-Vanġelu. Dak kollu li nilqgħu huwa ħajja mogħtija li trid iddur u tgħaddi minn nisel għal ieħor. Qatt ma nkunu henjin jekk ma nitgħallmux nilqgħu u naqsmu.