Is-16-il Ħadd matul is-sena B
IL-KELMA HI L-ĦOBŻ GĦAL ĦAJJITNA
«Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.» Hi ħaġa b’tifsira li Ġesù f’dan il-Vanġelu wera l-inkwiet tiegħu mhux għall-ħobż tal-art (bħal fil-każ tat-tkattir tal-ħobż), iżda għall-ħobż tal-Kelma. Huwa aspett li għandu jġegħelna naħsbu. Periklu li tinsab fih il-prattika Nisranija, l-aktar nett fi żmienna, hu li jdawwar il-prattika tal-fidi f’għajnuna soċjali. Hu l-qtugħ barra tad-dimensjoni vertikali biex issir enfasi fuq id-dimensjoni orizzontali. Iva, jeżisti tabilħaqq l-aspett orizzontali tal-fidi, iżda dan ma għandux inaqqas l-aspett vertikali. L-aspett vertikali hu l-espressjoni tal-imħabba sħiħa li aħna msejħin biex nuru lejn l-oħrajn. Jekk inħarsu lejn bniedem bħala ħalq biex jimtela bl-ikel inkunu qed inċekknuh, inkunu qed nonqsu mir-rispett lejn is-sejħa l-aktar intima tiegħu. Il-bniedem hu wisq aktar minn żaqq li trid timtela. Il-bniedem jesa’ lil Alla. Nitolbuk, Mulej, tagħtina l-imħabba tiegħek ta’ omm biex naqtgħu l-ġuħ ta’ Alla li għandha d-dinja.