IS-16-il Ħadd matul is-sena B
ŻMIEN IL-MISTRIEĦ
Naħseb li għal ħafna qarrejja diġà bdew il-btajjel tas-sajf u li jifhmu sewwa x’inhi l-għaja li jħossu l-Appostli ġejjin lura mill-missjoni. Sabiħa x-xbieha ta’ dawn l-irġiel ġejjin lura u jinġabru madwar Ġesù għajjenin, iżda wkoll jaqsmu ferħanin il-frott tal-vjaġġ tagħhom. Li jseħħlek tasal fil-ħin tajjeb għall-mistrieħ u taqsam il-ġmiel tat-taħbit li tkun għaddejt minnu hija barka. U hu isbaħ tara kif Ġesù jistieden għall-mistrieħ, toqgħod fil-ġenb għal xi ħin, biex tieħu r-ruħ. F’dawn il-ġranet, li bihom diġà dħalna fis-sajf, nistgħu nippruvaw infittxu xi waqtiet ta’ mistrieħ, infittxu xi post imwarrab biex ninġabru u nimmeditaw. Żmien li fih nirrevedu x-xhur ta’ ħidma li għaddew, naqsmu mal-Mulej dak li għaddejna minnu u jseħħilna nilmħu fit-taħbit kollu li għaddejna minnu, id-doni u s-sinjali tal-barka li għexna. Ir-Ragħaj it-Tajjeb iħoss għal kull wieħed minna u f’dan iż-żmien, li fih infittxu li nistrieħu, hu jibqa’ jmantnina b’kura liema bħalha bil-kelma tiegħu tal-ħajja ta’ dejjem.