Is-16 Ħadd matul is-sena A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Is-16 Ħadd matul is-sena A
IS-SALTNA TAS-SMEWWIET

Did-darba għandna tliet parabboli mis-sensiela tal-parabboli “tas-Saltna”. L-ewwel ħaġa rridu nifhmu x’irid jgħid Ġesù bl-espressjoni “is-Saltna tas-Smewwiet”. Żgur li s-Saltna mhijiex post fl-ispazju li wieħed jista’ jsiefer biex imur fih bħalma l-Amerikani darba kienu marru fuq il-qamar. Din is-Saltna hija kollha kemm hi spiritwali, anzi s-Saltna mhijiex post iżda persuna: il-persuna ta’ Kristu. Fil-Magħmudija aħna ngħaqadna miegħu ħaġa waħda u għaldaqstant diġà dħalna fis-Saltna tas-Smewwiet. Min f’ħajtu jibqa’ jgħix magħqud miegħu u jqiegħed fil-prattika l-wegħdiet tal-Magħmudija diġà jinsab fis-Saltna tas-Smewwiet. Fit-tliet parabboli Ġesù jagħtina tliet ritratti ta’ din is-Saltna (jew tiegħu nnifsu, la s-Saltna hija hu). Fl-ewwel waħda, li mbagħad ifissirha hu stess, jgħid li lilu mhux kulħadd jilqgħu bl-istess mod: hemm min jilqgħu tabilħaqq u jagħmel il-frott, imma hemm min jew jilqgħu f’nofs qalb jew ma jilqgħu xejn, u jħalli lill-għadu jħassru biex b’hekk qatt ma jkun jista’ jidħol fis-Saltna. Fit-tieni parabbola Ġesù jgħid li hu beda bi ftit nies, iżda mbagħad l-opra tiegħu tant kibret li matul il-mixja taż-żmien ġabret fi ħdanha kotra kbira ta’ nies... u wara aktar minn elfejn sena għadha ħajja sal-lum. L-imperi kollha sabu tmiemhom, imma l-Knisja ta’ Kristu għadha hemm u hemm sa tibqa’ minkejja kollox. Il-modi jgħibu imma s-Saltna, li ma timxix mal-moda, ma tgħib qatt. Fit-tielet parabbola Ġesù jgħid li hu jixbah lil ftit ħmira li tneffaħ l-għaġna kollha u biha jixba’ kulħadd. Iżda l-mara l-ħmira ħalltitha ma’ tliet sigħan qamħ... Ġesù waħdu, għalkemm hu kollox, mhux biżżejjed... jeħtieġ li nilqgħuh bil-libertà u nagħmlu l-parti tagħna.

ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content