Is-16 Ħadd matul is-sena Ċ
MARTA TITMA' LIL KRISTU LI MARIJA TQIM
Malajr tiġina f’moħħna x-xena: Ġesù, tard wara nofsinhar, meta s-sħana tibda ċċedi l-pass għar-riħ, kien nieżel fil-Wied ta’ Kedron u tiela’ l-Għolja taż-Żebbuġ, biex minn hemm jibqa’ sejjer lejn ir-raħal ta’ Betanja.
Hemm xi waqtiet sbieħ tabilħaqq fir-rakkont tal-lum: Marija bilqiegħda tisma’ lil Ġesù, kif kienu jagħmlu d-dixxipli mar-rabbini u hi Marta li laqgħet lill-Imgħallem. Ġesù jqiegħed fiċ-ċentru tal-azzjoni tiegħu żewġ nisa, ħaġa li dak iż-żmien lanqas biss kienet taqa’ f’moħħ dak li jkun! In-nisa kienu l-qaddejja ta’ żwieġhom, u r-rabbini kienu jgħidu, aħjar taħraq il-Kelma milli tħalliha tinqara minn mara… Ġesù dan ir-raġunament maskilista jaqilbu ta’ taħt fuq u kif għamel ma’ Ommu, iqiegħed mara bħala mudell tas-smigħ. Marija u Marta jirrappreżentaw iż-żewġ dimensjonijiet tal-ħajja ġewwiena: it-talb u l-azzjoni. Marija tisma’ bid-dehwa kliem l-Imgħallem, iżżommu f’moħħha, tħallih jidħol fiha. Bħal ħafna, anki llum, tinsab imdendla ma’ xofftejn il-Mulej, tistennieh ikellimha f’qalbha. Nerġgħu ndaħħlu t-talb u s-skiet fil-qalba tal-ġurnata tagħna, bħala għajn ta’ serenità u hena. Marta tgħix il-beatitudni billi tilqa’, tgħix l-imħabba u l-ospitalità b’mod konkret. Anki hi taf li s-smigħ tal-Imgħallem huwa l-bidu ta’ kull laqgħa, iżda taf ukoll li din il-laqgħa ma tbiddilx il-ħajja, tibqa’ bla frott u bla konklużjoni. Marta titma’ lil Kristu li Marija tqim.