Is-16 Ħadd matul is-sena Ċ
IŻ-ŻEWĠ PULMUNI TAR-RUĦ
Lil min sa nagħżlu? Lil min sa nixbhu? Lil Marta jew lil Marija? Kull wieħed minna hu Marta, kull wieħed minna hu Marija, u nsiru għamara ta’ Kristu meta nagħrfu ngħaqqdu flimkien dawn iż-żewġ uċuħ tal-imħabba: l-imħabba li taqdi u l-imħabba li tikkuntempla. L-imħabba li taħdem u l-imħabba li “tgħammar”. Marta u Marija huma żewġ pulmuni tar-ruħ li tikkuntempla u taħdem. Ir-ruħ li ġo fiha għandha l-kariżmi kemm ta’ Marta u kemm ta’ Marija hija ruħ «kontemplattiva», biex ninqdew b’kelma ġdida ta’ don Tonino Bello li jqiegħed f’kelma waħda l-kuntemplazzjoni u l-azzjoni. Ġesù ma jċanfarx lil Marta għal imħabbitha prattika, iċanfarha għall-mod sħiħ li daħlet fl-azzjoni għad-detriment tal-kuntemplazzjoni. Jekk negħlbu t-tgemgim u l-attività żejda, inkunu ġa fuq l-għatba tal-kuntemplazzjoni għaliex, kif jgħallem San Girgor il-Kbir, «meta l-karità titbaxxa bl-imħabba biex tipprovdi anki għall-iċken tal-proxxmu, dak il-ħin togħla ’l fuq lejn l-ogħla qċaċet. U meta bil-ħlewwa tmil biex ittaffi l-ħtiġijiet il-kbar, imbagħad taqbad ittir b’saħħitha lejn l-għoljiet.»