Ir-4 Ħadd tar-Randan A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Ir-4 Ħadd tar-Randan A

“MUR INĦASEL FIS-SILWAM”
 
Bħar-raġel tal-Vanġelu, aħna lkoll nitwieldu għomja, għax nitwieldu fid-dalma tad-dnub tan-nisel. Imbagħad ninħaslu bl-ilma tal-magħmudija u ningħataw il-ħila li nibdew naraw bl-għajnejn tal-fidi u niddawlu bid-dawl ta’ Kristu. Ġesù għamel il-miraklu u ta d-dawl lill-imwieled agħma biex fih jidher l-għemil ta’ Alla. Dan seħħ wara li nħasel fil-menqgħa ta’ “Silwam” – kelma li tfisser “Mibgħut”. U min hu l-Mibgħut jekk mhux Kristu? “Mur inħasel fis-Silwam.” Ġesù donnu qallu: “Inħasel fil-Mibgħut” jew “Inħasel fija u tibda tara”. Aħna hekk għamilna fil-magħmudija, anzi biha ndifinna ma’ Kristu għall-ħajja l-qadima tad-dnub u qomna flimkien miegħu fid-dawl tal-glorja. L-imwieled agħma għamel dak li ried minnu Ġesù u ġie jara. Hekk jiġri lilna wkoll jekk nilqgħu l-grazzja ta’ Kristu u nħalluha tgħajjixna. Ir-raġel li kien agħma, emmen f’Ġesù, u għax emmen sab lil min jippersegwitah. Min tabilħaqq jemmen f’Ġesù  jrid ilesti ruħu għat-tmaqdir tad-dinja, għax din issir tobogħdu. Ninnutaw ukoll li dawk li ma jridux jemmnu lanqas meta jiġu wiċċ imb wiċċ mal-verità ma jemmnu. Araw li ma jiġrilniex bħalhom u nisimgħu l-kliem li Ġesù qal lill-Fariżej: “Id-dnub tagħkom għadu fuqkom.”
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content