Ir-4 Ħadd tar-Randan - Sena A
ĠESU HUWA D-DAWL TAGĦNA
Kulħadd jieħu pjaċir bid-dawl. Kulħadd jixtieq li jkun fid-dawl il-ħin kollu. Imma mhux biżżejjed ikollok id-dawl li jiġi mix-xemx! Aktar importanti huwa d-dawl li jiġi minn Alla l-Imbierek. Alla li jagħtina d-dawl f’ruħna, f’qalbna, li permezz tiegħu naraw nimxu u naħdmu huwa xbieha tad-dawl li għandu jkun hemm fina. Jekk ngħixu ma’ Alla, qalbna u ruħna jkunu mimlija dawl. Huwa Kristu li jagħti d-dawl tal-ħajja ta’ dejjem. Fil-Vanġelu tal-lum, niltaqgħu ma’ Kristu li qiegħed jagħti d-dawl lill-imwieled agħma. U Kristu jinsisti li l-aktar importanti huwa d-dawl tar-ruħ, tant li lill-Fariżej jgħidilhom li huma jaħsbu li għandhom id-dawl u li jaraw imma huma għomja għax fihom ma hemmx id-dawl imma hemm id-dlam.
Biex ikollna d-dawl ta’ Kristu rridu nisimgħu minnu, irridu nisimgħuh. U nisimgħu lil Ġesù jkellimna permezz tal-Iskrittura Mqaddsa. Waqt il-Quddiesa naqraw diversi siltiet mill-Iskrittura Mqaddsa biex jgħinuna nifhmu l-misteru liturġiku li nkunu qegħdin niċċelebraw. Bħalissa qegħdin niċċelebraw ir-Randan Imqaddes, żmien li fih aħna nidħlu ftit fina nfusna biex naraw x’hemm li ma jaqbilx ma’ Alla u nneħħuh biex inkunu ħaġa waħda miegħu. Ir-Randan huwa dak iż-żmien li fih għandna niddedikaw aktar ħin għall-qari mill-Iskrittura Mqaddsa, aktar ħin għat-talb u ċaħdiet personali u aktar waqtiet li fihom naħsbu fl-oħrajn u ngħinuhom. Il-Kelma ta’ Alla ddawlilna ruħna u permezz tal-Kelma, Kristu jkun qiegħed jagħtina d-dawl bħalma ta d-dawl lill-imwieled agħma.
Ejjew infittxu dejjem dan id-dawl. Ejjew nitbiegħdu mid-dlam biex nidħlu ngħammru fid-dawl, li huwa Kristu. Ejjew naqbdu f’idejna l-Iskrittura Mqaddsa biex nisimgħu lil Alla jkellimna, u nħallu lil Kristu jagħtina d-Dawl li jibqa’ għal dejjem.