Ir-4 Ħadd tar-Randan A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Ir-4 Ħadd tar-Randan - Sena A

NISIMGĦU L-KELMA TA' ALLA... U NWIEĠBU GĦAS-SEJĦA TIEGĦU!

Illum b’ħafna kliem sabiħ u mirqum tajjeb, Alla l-Imbierek irid iwassalna naraw b’għajnejna stess il-misteru tas-sejħa tagħna fid-dinja u l-preżenza tiegħu fostna. Meta Alla jsejjaħ, isejjaħ bis-serjetà, u dan ma jagħmlux biss bil-kliem imma wkoll bl-azzjoni. Kelma u azzjoni li spiss, b’mod simboliku jfissru s-sejħa u l-missjoni ta’ min ikun magħżul. Tajjeb ngħidu hawnhekk li b’sejħa nifhmu s-sejħa universali, li Alla l-Imbierek jagħmel lin-nies kollha biex jemmnu fih, u biex f’dawn is-sejħiet tidher il-grazzja tal-kobor tiegħu fid-dinja kollha.

Is-sejħa ta’ David u tal-agħma mit-twelid huma simili ħafna. It-tnejn li huma kienu jgħixu fil-marġni tal-oħrajn, tan-nies, tas-soċjetà. Minkejja kollox, it-tnejn li huma sabu ħniena quddiem Alla, għaliex dan iħares lejn il-qalb u mhux biss lejn dak li jidher. Fil-qalb, hemm dak kollu li jagħmel lill-bniedem, hemm is-sigrieti kollha tiegħu, hemm il-bniedem kollu kemm hu, bil-qawwa u d-dgħufija kollha tiegħu. Fil-qalb tal-bniedem hemm il-misteru tal-eżistenza tiegħu. Misteru li forsi lilna jista’ jbeżżagħna, iżda permezz ta’ dan Alla jinġibed aktar lejna. F’dan il-misteru Alla l-Imbierek, jara l-bniedem li jista’ jsir, jarah sabiħ u fil-milja kollha tiegħu. Alla jssejjaħ lil kulħadd għaliex jaf li aħna lkoll nistgħu nagħmlu ħwejjeġ kbar, jekk biss nisimgħu lilu jkellimna u aħna nagħmlu l-Kelma li hu jagħtina.

Fid-dilka ta’ David u tal-agħma għandna naraw ukoll id-dilka li aħna rċievejna fil-magħmudija tagħna, li permezz tagħha sirna mhux biss ulied Alla u ħolqien ġdid, imma anki slaten, saċerdoti u profeti. Dan hu l-qofol tas-sejħa tagħna u l-kobor tagħha. Aħna msejħin biex inwasslu d-dawl ta’ Kristu u l-barka tiegħu lil kull min jgħix fid-dlam u ’l bogħod. Aħna msejħin biex ngħixu b’imħabba bla qjies u b’kunfidenza kbira fis-Saltna tal-Missier, u waqt li ngħixu dan nagħtu l-akbar xhieda li qatt nistgħu lid-dinja, li Alla hu Alla tal-ħajja u mhux tal-mewt, u li fih hemm dak kollu li qalbna qatt tista’ tixtieq u trid.

Meta l-agħma stqarr li hu jemmen, fehem dan kollu, għaliex issa beda jara l-kobor tal-grazzja ta’ Alla u s-sehem li hu kellu fid-dinja. L-agħma, sema’ l-Kelma u għamilha u wettaqha u beda jgħix, filwaqt li l-Fariżej ma għamlu xejn minn dan u baqgħu jgħixu fid-dlam u l-mewt. U aħna x’sa nagħmlu? Irridu niksbu l-ħajja, jew sa nibqgħu f’art il-mewt?

ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content