Ir-4 Ħadd tar-Randan - Sena A
ĠESU... BNIEDEM, PROFETA U IBEN TA' ALLA
Hu Ġesù li, huwa u għaddej, jilmaħ lill-imwieled agħma. L-imsejken ma jgħajjatx, ma jitlobx, għandu mnejn lanqas biss jaf min hu n-Nazzarenu. Dik tiegħu hija ħajja msawra bil-dellijiet, bil-fantażmi. Qatt ma ra d-dawl, kif seta’ jixtiequ? Għaliex?
Alla jarah, jara t-tbatija tiegħu, il-ħtieġa tiegħu, il-piena tiegħu, il-mistħija tiegħu. Mistħija, iva, għax hu bniedem innoċenti li qed iħallas għad-dnubiet tal-ġenituri. Anzi, forsi ġa għamel xi dnub f’ġuf ommu, kif kienu jgħidu r-rabbini. Alla kkastigah. Għaliex għandna nitolbu xi ħaġa mingħand dan Alla tal-biża’? Hekk kien jaħseb kulħadd. Iżda ftit tajn mal-għajnejn, u r-raġel beda jara. Ġesù, sadattant, kien telaq, ma riedx ċapċip, ried biss juri li Alla mhuwiex dak il-kiefer li kultant jgħidu li hu n-nies reliġjużi. Hawn jibda dibattitu feroċi: dan min fejqu? Għaliex? U għaliex fejqu nhar ta’ Sibt? Ħafna huma dawk li jidħlu fid-dibattitu: il-ġemgħa, il-Fariżej, il-ġenituri tiegħu, id-dixxipli… Iżda hu waħdu hu l-protagonista, l-agħma li reġa’ beda jara, imbagħad il-ġieħ, imbagħad il-fidi. L-ewwel jgħid li Ġesù hu bniedem, imbagħad Profeta, imbagħad l-Iben ta’ Alla. Il-fidi hija dawl li jikber bil-mod il-mod, pass wara pass, aħna nieħu snin sħaħ biex iseħħilna nistqarru li Ġesù hu l-Mulej. Hekk ukoll tikber il-qawwa tal-imwieled agħma: is-sens tal-ħtija jgħib fix-xejn, jikseb il-kuraġġ. Meta jistaqsuh iwieġeb, meta jsib ruħu mgħarbel mid-devoti, jaf x’għandu jgħid. L-agħma huwa ħieles. Issa qed jara, qed jara tajjeb ħafna, b’għajnejh u b’qalbu.