Ir-4 Ħadd tar-Randan Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Ir-4 Ħadd tar-Randan Ċ
IL-MULEJ TAL-ĦNIENA
 
Din il-parabbola, li hi waħda mill-isbaħ tal-Vanġelu u li nsibuha biss f’San Luqa, Ġesù qalha biex juri lill-Fariżej u lill-Kittieba, li kienu jqisu ruħhom b’qaddisin, għala kien jilqa’ lill-midinbin pubbliċi għandu u “jiekol magħhom”, jiġifieri jidħol f’intimità magħhom. Hija parabbola mimlija bis-simboliżmu u ngħatat tifsiriet bla tarf. Anki t-titlu tagħha qajjem diskussjoni u hemm min jgħid li flok “L-Iben il-Ħali” għandna nsejħulha “Il-Missier il-Ħali” għax għalih m’hemmx qisien meta jiġi biex jaħfer u jinsa. Hija parabbola li turi sa fejn tasal il-ħniena ta’ Alla, u għalhekk it-titlu li għażiltilha jien: “Il-Mulej tal-Ħniena”. L-iben li talab il-wirt, tant tbiegħed minn dar il-missier u sab ruħu f’art barranija fejn irabbu l-qżieqeż u ngħata bħala xogħol dak li jirgħa l-qżieqeż, mhux biss: huma kienu jieklu hu le – degradazzjoni umana li jsib ruħu fiha bniedem li jgħix ħajja mtajra bla ma jdaħħal ’l Alla fi ħsibijietu. Iżda huwa bniedem bħal dan u mhux bħall-Fariżej li fl-aħħar jifhem il-ħtieġa li jerġa’ jdur lejn il-missier u jitolbu jdaħħlu f’daru mqar bħala qaddej minflok bħala iben. Il-missier, min-naħa tiegħu, laqgħu b’idejh miftuħa, għax kien qed jistennieh (min jaf kemm ġenituri joqogħdu jistennew ’l uliedhom ġejjin lura mix-xalar u t-tbaħrid sas-sigħat bikrin tal-għodwa!) U meta rah ġej mill-bogħod mar b’ġirja jilqgħu u jħaddnu miegħu bla ma qies il-ħmieġ tal-qżieqeż li kellu mwaħħal miegħu... u reġa’ tah id-dinjità li kellu qabel. Il-kelmiet “dan ibni kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab” idaħħlulna f’moħħna s-suspett li t-tifel iż-żgħir mhu ħadd ħlief Ġesù, l-Iben tal-Missier, li tbiegħed minn dar missieru u ngħaqad mal-midinbin, imbagħad xħin temm il-missjoni tiegħu miet u qam u reġa’ lura f’dar il-Missier. Ara ma nagħmlux bħall-iben il-kbir (il-Fariżej) li ma ridux jilqgħu lil ħuhom meta ġie lura... jekk nagħmlu hekk ma nkunux nilqgħu lil Ġesù nnifsu.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content