Ir-4 Ħadd tar-Randan - Sena Ċ
ALLA JITTRATTANA TA’ KBAR
Iż-żewġ ulied protagonisti tal-parabbola għandhom idea ħażina ħafna ta’ Alla. It-tnejn li huma. L-ewwel iben hu xalatur mill-kbar, l-ieħor jaħseb, bħal ħafna minna, li Alla hu xi ħadd li għandu jinżamm kalm, xi ħadd li issa ma tantx nobduh malajr, iżda li fl-aħħar sa nieħdu l-premju mingħandu.
M’hemm ebda tmiem sabiħ fl-aktar parabbola magħrufa tal-Vanġelu, Luqa jieqaf. Il-parabbola titħalla miftuħa, mingħajr soluzzjonijiet imbassra minn qabel, mingħajr moraliżmi ħfief u fit-tmiem ma jiġix l-eroj. Tista’ toqgħod mal-Missier bla ma tarah, tista’ taħdem miegħu bla ma tifraħ b’dil-ħaġa, tista’ tħalli l-fidi tiegħek issir tislima rispettuża bla ma timlielek qalbek bil-ferħ. Il-Vanġelu għal darb’oħra jgħidilna li Alla jittrattana ta’ kbar, li d-deċiżjonijiet iħallihom f’idejna, li hu ma jidħolx minflok l-għażliet tagħna. Jekk jogħġobkom, ħarsu lejn il-Missier. Missier li jħalli lil ibnu jitlaq anki jekk jaf li sa jweġġa’ (kont tħallih jitlaq lil ibnek?). Missier li jistenna u jħares fil-bogħod kuljum, li jmur bil-ġirja jilqa’ lil ibnu, li ma jċanfrux, lanqas ma jagħmel kontijiet miegħu, li ma jixlihx, li jgħannqu, li jsikket l-iskużi (u ma jridhomx), li jerġa’ jagħtih id-dinjità, li jagħmel festa. Missier inġust, esaġerat, li jħobb iben li xtaqu jmut, li għex ħajja fiergħa bħallikieku dak kien bi dritt. Missier li jaf li dan l-iben għadu ma fieqx minn ġewwa imma jistabar u jagħmillu festa. Missier li joħroġ jitlob lil iben il-kbir, mgħaddab, li jipprova jiġġustifika ruħu, u jfisser għala għamel hekk. Dan hu Alla ta’ Ġesù.