Ir-4 Ħadd tar-Randan Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Ir-4 Ħadd tar-Randan - Sena Ċ

“ĦA NQUM U MMUR GĦAND MISSIERI”

L-ebda paġna oħra tal-Vanġelu daqs il-parabbola tal-Iben il-Ħali ma tiġbor fiha b’mod daqshekk qawwi u fl-istess ħin poetiku l-messaġġ ta’ ħniena li kien il-qofol tal-ħidma u l-ħajja kollha ta’ Ġesù. L-istorja, l-arti u l-letteratura tal-Knisja huma miżgħuda b’riferimenti għal din l-istorja li nistgħu nsejħulha ikona tal-Ħniena ta’ Alla. Jixraq għalhekk li fil-qalba tar-Randan f ’din is-Sena tal-Ħniena nifluha b’aktar reqqa mis-soltu biex niskopru ftit uċuh ġodda tal-ħniena.

Għalkemm mad-daqqa ta’ għajn il-karattru ewlieni f’din il-parabbola jidher li huwa l-iben iż-żgħir, fir-realtà il-qofol ta’ kollox huwa l-missier. Tant hu hekk li hemm min laqqam il-parabbola bħala dik tal-“Missier il-Ħali” (ħali fil-ħniena u l-imħabba). Għax jekk hemm xi ħadd li huwa l-vittma f’dil-ġrajja kollha, dan huwa l-missier. Ix-xewqa ta’ ibnu għas-sehem mill-wirt ma kinitx biss regħba għall-flus, iżda kienet daqqa ferm aktar profonda f’qalb il-missier. Għax meta ibnu talbu għal sehmu mill-wirt, kien diġà qatlu f’qalbu: kien qed jgħidlu li għalih, missieru jiswa ferm aktar mejjet milli ħaj.

U minkejja dan kollu, meta ibnu jerġa’ jibdielu u jirritorna mill-avventura tiegħu (li fiha berbaq ġidu kollu) missieru jilqgħu lura u jroddlu l-pożizzjoni li kellu qabel fil-familja: ilibbsu l-libsa s-sabiħa (tas-sinjur), iċ-ċurkett (tal-werriet) u s-sandli (tal-bniedem ħieles). Mhux hekk biss, imma jagħmillu wkoll festa kbira. Kellu kull dritt il-missier li jibagħtu jixxejjer, jew inkella li jżommu bħala lsir biex ipatti għall-ħsara li għamel. Imma le: jerġa’ “jirrestawrah” għal dak li kien qabel.

Quddiem imħabba u ħniena bħal dawn, il-Mulej Ġesù jistedinna nagħrfu l-miżerja li fiha sikwit naqgħu, inqumu u nerġgħu lura għand il-missier. Jistedinna wkoll biex min-naħa tagħna, aħna wkoll nuru ħniena mal-oħrajn. Faċli li aħna – li forsi qatt ma tbegħedna wisq mill-Knisja u li forsi m’aħniex ħatja ta’ dnubiet kbar – naraw il-ħniena tal-missier bħala eċċessiva. Nippretendu li jimxi b’ġustizza għax jidhrilna li aħna tajbin, li ma għandniex bżonn ħniena, u li dak li jagħti lill-oħrajn ikun qed jisirqu mis-sehem tagħna.

Fir-realtà, iżda, aħna dejjem midjunin mal-Missier. Dnubietna, sew jekk kbar jew żgħar, dejjem jeżiljawna minn dar il-Missier. Dar-Randan, ejjew inħossu l-ġuħ (bħall-iben iż-żgħir) u nqumu u nerġgħu lura d-dar. Il-vjaġġ lura jsaffina, u l-bewsa tal-Missier tfejjaqna.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content