Ir-4 Ħadd tar-Randan - Sena Ċ
MIN JITBIEGĦED MINN ALLA JITBIEGĦED MINNU NNIFSU
Din il-parabbola famuża, magħrufa bħala tal-Iben il-Ħali, imma wkoll – u forsi aħjar – bħala l-parabbola tal-Missier Ħanin, tiġi quddiemna darbtejn f’dan ix-xahar u f’dan ir-Randan. Dan isir għax hi parabbola awtobijografika ta’ kull wieħed minna. Nieqfu biss, f’meditazzjoni qasira, fuq dan il-vers: «Iż-żgħir telaq lejn pajjiż imbiegħed.» Dan it-tluq hu wisq aktar minn mixja lejn xi post. L-iben il-ħali telaq lejn pajjiż imbiegħed għax kien tbiegħed mill-verità tiegħu. Tbiegħed minn qalbu. Min jitbiegħed minn Alla jitbiegħed minnu nnifsu. Il-verità tagħna, infatti, hi waħda biss: hi dik li kellu f’moħħu l-Ħallieq meta ħalaqna. U hu ħalaqna mhux għal ġid li jgħaddi, iżda għall-għaqda miegħu bla tmiem. Għalhekk il-qofol ta’ dan il-Vanġelu hu meta ż-żagħżugħ jerġa’ jidħol fih innifsu u jiddeċiedi li jerġa’ għal għand Missieru. Din il-parabbola tfakkarna li l-verità ta’ Alla u dik tal-bniedem mhumiex kontra xulxin. Min jiġri wara l-verità tiegħu jsib il-Missier jistennieh u jmur jiġri jilqgħu, għax kif tgħid Edith Stein, «Min ifittex il-verità, ifittex lil Alla, sew jekk jaf jew le.»