Ir-4 Ħadd tal-Għid sena B
IR-RAGĦAJ IT-TAJJEB
«Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Il-mikri […] jara l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab…» F’dawn is-snin li ili ngħallem innutajt id-differenza kbira li tagħmel il-bidla tar-rapport akkademiku minn relazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ għarfien għal komunjoni li tħaddan fiha wkoll l-għarfien personali. Meta bniedem jingħaqad ma’ dak li jagħti, ma jwassalx biss l-għarfien, iżda jwassal ukoll togħma ġdida, xi ħaġa mid-DNA spiritwali tiegħu. Din l-analoġija tgħinna nifhmu b’xi mod id-differenza bejn il-mikri li jsemmi Ġesù u r-Ragħaj it-Tajjeb li jagħraf il-merħla tiegħu u jagħti ħajtu għaliha. Tal-ewwel iwassal għall-ikel, tat-tieni huwa l-Ikel, il-ħobż tal-Ħajja ta’ dejjem. Il-missjoni tagħna mhijiex dik li nidħlu minflok ir-Ragħaj it-Tajjeb. Il-missjoni tagħna hi li nuru kemm hija insostitwibbli l-laqgħa miegħu. Hi li jkollna fuqna l-fwieħa tar-Ragħaj biex tqajjem in-nostalġija fil-qlub li qegħdin ifittxu.