Ir-4 Ħadd tal-Għid sena B
Huwa l-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb li fih il-Knisja tiċċelebra wkoll Jum il-Vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi. Ġesù fis-silta juri li hu r-Ragħaj it-Tajjeb (fil-Grieg hemm “is-Sabiħ”) li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Dan ifisser li hu jħobb lid-dixxipli tiegħu u jekk huma dixxipli veri, iħobbuh. Huwa r-Ragħaj li jrid jagħraf lin-nagħaġ tiegħu u jidħol f’relazzjoni intima magħhom. Hu wkoll Jum il-Vokazzjonijiet: jekk hemm l-hekk imsejħa kriżi tal-vokazzjonijiet, hemm kriżi akbar fil-familji... il-vokazzjonijiet ġeneralment joħorġu minn familji magħqudin li jgħixu fil-paċi u fil-biża’ (= fl-imħabba) ta’ Alla. Imma jekk, kif jingħad, hemm kriżi bħal din ma jfissirx li Alla mhux qed isejjaħ: hu jibqa’ jsejjaħ bla ma qatt jieqaf, iżda l-bnedmin mhumiex jisimgħuh għax moħħhom wisq f’dak li toffri d-dinja konsumistika u materjalista tal-lum. Fl-aħħar nett “vokazzjoni” ma tfissirx biss ħajja saċerdotali u reliġjuża, iżda wkoll ħajja li koppja, magħmula minn raġel wieħed u mara waħda, tgħixha, kif irid Alla, fis-sagrament taż-żwieġ.