Ir-4 Ħadd tal-Għid - Sena A
ĠESÙ GĦAL DARB’OĦRA... FIĊ-ĊENTRU
Ġesù hu t-triq, il-ħajja u l-verità. Huwa r-Ragħaj li jmexxi lejn il-ħajja, iżda wkoll – kif jgħid il-Vanġelu tal-lum – huwa l-bieb tal-ħajja. Min jidħol minnu, fih isib mergħa, fih isib il-ħajja. U lejn il-ħajja m’hemmx toroq qosra li jevitaw lil Kristu. Min ma jidħolx minnu hu ħalliel u brigant. Dal-Vanġelu jistedinna bil-qawwa nqiegħdu lil Ġesù fiċ-ċentru. X’jiġifieri nqiegħdu lil Ġesù fiċ-ċentru? Inqegħduh fiċ-ċentru jfisser inxandruh, iżda qabel xejn infittxu ’l wiċċu u nikkuntemplawh. Dawn iż-żewġ passi jippreżentahom tajjeb Ġwanni Pawlu II li fil-bidu tat-tieni elf sena jikteb: «Mhuwiex forsi dmir il-Knisja li tirrifletti d-dawl ta’ Kristu f’kull żmien tal-istorja, turi wiċċu jiddi saħansitra quddiem il-ġenerazzjonijiet tal-millennju l-ġdid? B’danakollu x-xhieda tagħna tkun fqira għall-aħħar jekk aħna l-ewwel nies ma nkunux minn dawk li jikkuntemplaw lil wiċċu.» Hu biss jekk ngħaddu mill-milja tiegħu nkunu nistgħu nxandruh bħala «ħajja bil-kotra.»