Ir-4 Ħadd tal-Għid - Sena A
NISIMGĦU L-KELMA TA' ALLA... U NKUNU XHIEDA TAGĦHA!
Fil-liturġija tal-lum naraw li l-komunità Nisranija tal-ewwel żminijiet bdiet tissaħħaħ u tikber. Iżda wkoll bdiet tikseb aktar u aktar fiduċja fir-Ragħaj it-Tajjeb, li hu Kristu li rebaħ fuq il-mewt. Naraw eluf ta’ nies jinġibdu lejn Pietru u sħabu għaliex jisimgħu l-Kerigma, u fi kliemhom jagħrfu l-leħen tar-Ragħaj it-Tajjeb. Dan il-kliem laqtilhom qalbhom, u tant laqathom fil-fond li waslu biex jistaqsu, mela issa x’għandna nagħmlu! Il-qawwa tal-kelma tal-Appostli u x-xhieda tal-ħajja tagħhom flimkien mal-fidi, wasslet lil dawn in-nies biex jifhmu li huma kienu qed jgħixu ’l bogħod mill-ħajja u mill-verità. Kienu nies li jgħixu fin-nuqqas tal-preżenza ta’ Alla l-Imbierek, u forsi wkoll kienu jgħixu bla direzzjoni.
F’dawn il-ftit vrus għandna naraw u nifhmu li l-komunità Nisranija hija mezz importanti ħafna għas-salvazzjoni tal-popli u l-qdusija tal-Knisja u għalhekk kull komunità oħra fid-dinja, għandna tħares lejn dan il-mudell biex tixxiebah aktar miegħu. Nifhmu wkoll, li l-ewwel komunità kellha tagħmel mixja, li fiha kibret fil-fidi, (kif rajna fil-Ħdud ta’ qabel), u fl-imħabba lejn Kristu, u tgħallmet permezz ta’ ħafna provi, tagħraf leħen il-Maħbub – leħen ir-Ragħaj it-Tajjeb. Lezzjoni importanti hija li kienet kapaċi tagħmel differenza bejn leħen il-brigant u leħen il-Maħbub. Id-differenza hija sempliċi, wieħed iwassal għall-qerda u l-ieħor iwassal għall-ħajja. Hekk hu, Kristu jwassal lil min jisma’ minnu f’mergħat kollha ħdura u ħdejn nixxigħat ta’ ilma ħaj.
Tajjeb nsaqsu ftit lilna nfusna jekk aħniex nagħrfu l-Leħen ta’ Ġesù u mhux biss, imma jekk aħniex mixjin warajh. Ġesù huwa ċar ħafna: min jimxi warajh, jgħix u jkollu ħajja bil-kotra. Aħna għandna ħajja u ferħ fina, jew ninsabu mimlijin bil-mewt u d-dwejjaq? Il-komunità li flimkien magħha nitlob u nimxi għandha l-qawwa tal-kelma tal-ħajja jew kliem fieragħ? Jien, flimkien mal-komunità tiegħi, nagħti eżempju tajjeb, eżempju jqanqal il-konverżjoni fin-nies li għadhom ma jafux min hu Kristu, jew iwassal biex jagħti skandlu u jbiegħed aktar lil dawn in-nies milli jiltaqgħu ma’ Kristu? Hawnhekk, naħseb jien, hawn il-qofol tal-ħajja tagħna fil-fidi, u jeħtieġ li kull wieħed u waħda minna nagħmlu xi ħaġa biex ix-xhieda tagħna fid-dinja tkun tassew vera u kredibbli, u dan għandna nagħmluh billi sempliċiment, bħala nagħaġ, nimxu wara r-Ragħaj tagħna.