Ir-4 Ħadd tal-Għid A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Ir-4 Ħadd tal-Għid - Sena A
KRISTU U S-SAĊERDOT

Hija tradizzjoni fil-Knisja li r-Raba’ Ħadd tal-Għid niddedikawh għall-vokazzjonijiet saċerdotali. Għaliex? Għax is-saċerdot huwa alter Christus, Kristu ieħor, jew biex tiftiehem aħjar: is-saċerdot qiegħed hemm biex fih nara lil Kristu, ir-Ragħaj, dak li jieħu ħsieb il-merħla, dak li jieħu ħsiebna. Huwa x-xogħol ewlieni tas-saċerdot li jkun ragħaj, bħal Kristu. In-Nisrani Ragħaj wieħed għandu: Kristu. Is-saċerdoti jgħinuna niltaqgħu ma’ Kristu, inħallu lil Kristu jmexxi ħajjitna, nintelqu fi ħdanu. Is-saċerdot huwa dak il-bniedem magħżul minn Alla, biex jagħmel ix-xogħol ta’ Kristu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Meta titkellem ma’ saċerdot, inti tkun qiegħed titkellem ma’ Kristu. U l-għażla ta’ Kristu hija din: li dawk il-persuni li jagħżel għandhom id-dmir u l-obbligu li jkunu minfloku, jitkellmu kif jitkellem hu, jaħsbu kif jaħseb hu, iġibu ruħhom kif iġib ruħu hu. Dak ifisser alter Christus.

U aħna, min-naħa tagħna, bħala dixxipli tal-Mulej Ġesù, għandna d-dmir u l-obbligu li nitolbu mhux biss biex ikollna aktar saċerdoti, imma nitolbu biex is-saċerdoti kollha jibqgħu dejjem Kristu ieħor!

Il-parabbola tan-nagħaġ u r-Ragħaj tgħinna nifhmu l-imħabba, l-għożża, l-interess li Kristu għandu f’kull wieħed u waħda minna. Ħadd mhu eskluż, ħadd mhu mħolli barra l-maqjel, anzi, meta xi ħadd joħroġ mill-maqjel, arah lil Kristu sejjer ifittex dik in-nagħġa li tkun ħarbitlu! Għax Ġesù jħobbna, u jixtieqna dejjem miegħu, fil-maqjel, fejn jieħu ħsiebna, jitmagħna, jisqina, u jara li ma jkun jonqosna xejn.

Il-problema hi li xi wħud minna xorta waħda jibqgħu jitħajru għall-pjaċiri tad-dinja, barra l-maqjel, u jaraw kif jagħmlu u jaħarbu mill-maqjel biex imorru jiġġerrew malmuntanji... u jintilfu! Imma Kristu, li għandu l-ħsieb ta’ kull wieħed u waħda minna, imur ifittex lil dik li ntilfet. Hekk is-Saċerdot, dejjem jara kif sa jiġbed il-bnedmin lejn Kristu. Is-saċerdot dejjem ifittex li dawk li huma fil-merħla ma jiġrilhomx li jaħarbu mill-maqjel! U meta xi ħadd jaħrab, għax aħna lkoll kemm aħna dgħajfa, is-saċerdot, bħal Kristu, jara kif jagħmel biex dik in-nagħġa li ħarbet, tirritorna, iġibha lura biex tgawdi l-frott tal-ħajja li ma tintemmx, Kristu nnifsu.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content