Ir-4 Ħadd tal-Għid A
ĠESÙ HUWA L-BIEB
Meta Ġesù fisser il-parabbola tal-maqjel tan-nagħaġ, fost l-oħrajn qal: “Dawk kollha li ġew qabli huma ħallelin u briganti...” Hawn Ġesù aktarx li qed jirreferi għal dawk il-membri tal-grupp taż-Żeloti, li kienu nazzjonalisti estremi, u riedu jeħilsu malajr kemm jista’ jkun mill-ħakma ta’ Ruma. Għalhekk kienu sikwit iqajmu rewwixti fil-Palestina ta’ dak iż-żmien. Mhux biss, imma wħud minnhom ippretendew li huma l-Messija, li skonthom kien dak li kellu jeħles lill-pajjiż mill-ħakma Rumana. Dawn fil-Vanġelu ta’ San Ġwann jissejħu “briganti”. Wieħed minnhom żgur li kien Barabba, li Ġwanni fuqu jgħid: “Dan Barabba kien brigant” (Ġw 19:40). Il-Poplu ried li jinħeles brigant mill-ħabs u jinqatel Ġesù! F’dis-silta Ġesù jitkellem ċar: “Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva... Il-ħalliel (jew brigant) ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred.” Irridu nħarsu ruħna mill-messiji foloz, li kultant għadu jinbet xi wieħed minnhom ’l hawn u ’l hinn. Imma l-akbar messija falz huwa l-mod kif tirraġuna d-dinja kontra dak li jrid Alla. F’dan il-Ħadd il-Knisja titlob ukoll għal aktar vokazzjonijiet fil-ħajja reliġjuża u saċerdotali. Aktar milli għall-għadd, nitolbu għallkwalità; jalla l-vokazzjonijiet li jiġu jkunu qaddisa, u jalla dawk li diġà qegħdin hemm jissoktaw jitqaddsu.