Ir-4 Ħadd tal-Għid A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Ir-4 Ħadd tal-Għid - Sena A
NAGĦRFU R-RAGĦAJ TAGĦNA

Fi żmien Ġesù n-nagħaġ kienu jgħixu miġburin flimkien matul il-lejl u magħluqin b’ċint baxx tas-sejjieħ. Kultant, biex iżidu xi ftit is-sigurtà, kienu jżidu filata ta’ xtieli bix-xewk, biex il-ħallelin u l-ilpup ma jidħlux u jagħmlu ħerba mill-merħla.

Ġesù huwa r-ragħaj. Huwa ragħaj tajjeb. Ragħaj “sabiħ”. Wieħed tas-sengħa, li jaf ’il fejn għandu jmexxi lin-nagħaġ, li jafhom waħda waħda, iżda ma jagħmilx minnhom merħla bla isem. Huma nagħaġ li jagħrfuh meta jitkellem. Il-leħen huwa l-akbar protagonist ta’ Kristu Rxoxt. Permezz ta’ leħnu d-dixxipli jseħħilhom jidħlu fid-dimensjoni l-ġdida li daħal fiha Ġesù. Biss meta nisimgħu nistgħu nagħrfu l-preżenza tiegħu. Qalbna titkebbes aħna u nisimgħu kliemu, illum u dejjem. Ejjew insiru semmiegħa attenti u intelliġenti tal-Kelma, u fiha nagħrfu r-ragħaj tagħna. Qalbna ma tigdibx: lilu biss nafu nisimgħu għaliex hu biss għandu lilna għal qalbu. M’iniex għal qalb bnedmin oħra, lanqas għal qalb is-soċjetà, iżda għal qalb Alla, li hu biss iħobbni liberament. Il-Mulej mhuwiex bħall-oħrajn, mikrija li kważi dejjem iħobbuna biex jieħdu xi ħaġa minna. Ġesù jsejjaħ lin-nagħaġ b’isimhom u n-nagħaġ jagħrfu leħnu, għax hu leħen li jitħaddet direttament mal-qalb, huwa leħen li jsalva, li jimla, li jfarraġ, li jheżżeż, li jagħti l-enerġija, li jaħfer, li jinkwieta, li jgħaġġeb, li jwassal għas-sewwa sħiħ. Minn xiex għandna nibżgħu? Ħadd ma jista’ jaħtafna minn id il-Missier.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content