Ir-4 Ħadd tal-Għid Ċ
IR-RAGĦAJ JAGĦRAF IN-NAGĦAĠ
Ġesù jippreżenta ruħu bħala ragħaj li għandu rabta ta’ mħabba intima man-nagħaġ tiegħu. Dan hu lingwaġġ li l-Lhud ta’ dak iż-żmien kienu jifhmuh malajr mhux biss għax kienu jgħixu f’soċjetà li fiha r-ragħaj u l-imrieħel kienu jarawhom kullimkien, imma huma fehmu wkoll il-messaġġ teoloġiku li ried iwassal Ġesù. “Ragħaj” hu wieħed mill-ismijiet li l-Iskrittura tagħti lil Alla. Mela hawn Ġesù qed jgħid li hu bħall-Missier tas-sema u daqsu, u flimkien miegħu hu ħaġa waħda. Ġesù qed jgħid li bħall-Missier huwa r-Ragħaj ta’ Israel, jiġifieri qed jistqarr li huwa Alla. Importanti ħafna l-kelmiet “jiena nagħrafhom”; min jagħraf, iħobb u jiftaħ relazzjoni ta’ mħabba ma’ dawk li jħobb. Din l-imħabba tissarraf fl-għoti tal-ħajja ta’ dejjem lil dawk li jimxu warajh u b’dan il-mod iwieġbu għal imħabbtu. Bi tradizzjoni Ħadd ir-Ragħaj it-Tajjeb hu ddedikat lill-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi. Nitolbu lill-Mulej jibgħat aktar ħaddiema “qaddisin” fil-ħsad tiegħu.