Ir-4 Ħadd tal-Għid Ċ
‘JISIMGĦU LEĦNI’
Fl-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd meħud minn San Ġwann (10:27-30), Ġesù jqabbel lilu nnifsu mar-Ragħaj it-Tajjeb. F’dak iż-żmien ix-xogħol ta’ ragħaj kien komuni ħafna: kien xogħol iebes; fis-sħana tas-sajf u fil-kesħa tax-xitwa, ir-rgħajja kellhom joħorġu l-merħliet tagħhom mill-maqjel u jieħdu ħsiebhom quddiem il-qilla tal-ilpup li kienu dejjem lesti biex jaqbżu fuq il-priża tagħhom. Bħal f ’kull xogħol ieħor kont issib rgħajja tajbin u oħrajn li ma tantx kienu jagħmlu xogħolhom bil-galbu.
Huwa f ’dan il-kuntest li l-Imgħallem jitkellem fuq kemm huwa bħala Ragħaj lest li jieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħu. Ġesù jsemmi l-mod kif hu sa jindokra n-nagħaġ: huwa jagħraf kull nagħġa, jagħmel minn kollox biex iħarsilhom ħajjithom, mhux sa jħalli li xi waħda minnhom tintiliflu jew tinħataf minn xi ħadd. Fl-istess ħin kull nagħġa trid tisma’ leħen ir-Ragħaj u timxi warajh. Permezz ta’ din it-tixbiha tar-Ragħaj, Ġesù qiegħed juri lilu nnifsu bħala r-Ragħaj Messjaniku tal-Poplu ta’ Alla. U dan it-titlu juri kemm l-Imgħallem huwa uniku meta jistqarr: ‘Ir-Ragħaj it-Tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.’ Din l-għotja tar-Ragħaj hija prerogattiva ta’ Ġesù għax imkien ma tissemma fit-Testment il-Qadim.
Ġesù bħala Ragħaj huwa l-uniku medjatur bejn il-Missier u l-bnedmin. Li wieħed ikun dixxiplu tal-Imgħallem fi żminijietna mhijiex ħaġa ħafifa imma lanqas mhi impossibli. Hija avventura li tieħdok lil hemm minn dak li huwa konvenzjonali u komdu u titfgħek f ’għalqa kbira fejn wieħed irid ixammar il-kmiem, u bis-saħħa u b’ħafna għaraq jibda jaħdem. B’hekk id-dixxiplu jsir jixbah lir-Ragħaj it-Tajjeb mhux biss għax jisma’ leħnu imma wkoll għax jibda jagħmel xogħlu. Illum aktar minn qatt qabel għandna bżonn ta’ ħafna rgħajja tajbin. Bħala dixxiplu ta’ Ġesù tkun ragħaj ifisser li tieqaf ma’ dawk ħutna li huma dgħajfa, mitlufin u fil-bżonn. Hija kwestjoni ta’ preżenza, imħabba u solidarjetà. Ir-Ragħaj it-Tajjeb irid ikompli jħobb lill-persuni u jmexxihom għall-imħabba akbar. Din hija s-sejħa li l-Mulej qed jagħmlilna llum: kull wieħed u waħda minna filwaqt li nikbru u nimmaturaw fil-fidi Nisranija, irridu nkunu rgħajja tajbin biex inservu lil ħutna l-bnedmin. U dan naslu għalih jekk nibqgħu ‘nisimgħu leħnu.’