Ir-4 Ħadd tal-Għid - Sena Ċ
NINSABU F'IDEJH
Ilkoll naħsbu fuq ir-ragħaj li jmur ifittex in-nagħġa l-mitlufa u jerġa’ jġibha huwa u jerfagħha fuq spallejh. Iżda r-ragħaj ta’ Ġwanni hu iebes u determinat u jissielet bl-aħrax biex jiddefendi l-merħla mill-ilpup u mill-ħallelin.
Ġesù qed jgħidilna li ninsabu f’idejh, idejn żguri, li ħadd ma jaħtafna mit-tħaddina tiegħu, li fih biss nirċievu l-ħajja ta’ dejjem. Iżda biex nimxu warajh jeħtieġ nisimgħuh u nagħrfu leħnu, jiġifieri nsiru midħla tal-Kelma tiegħu, nimmeditawha bla ma qatt nitilquha. Dik il-Kelma li ssir sinjal tal-preżenza tiegħu, li ddawwal kull sinjal ieħor talpreżenza tal-Irxoxt. Insiru adulti fil-fidi jfisser nikxfu dak li jgħid Ġesù: ħadd qatt ma jista’ jbegħedna minn id Alla. Ġesù jżommna minn idna, b’qawwa. Hu jħobbna, bħal ragħaj ta’ ħila, bħal xi ħadd li jaf fejn jeħodna biex nirgħu. Mhux bħal ragħaj imħallas bis-siegħa, iżda bħas-sid li jagħraf in-nagħaġ waħda waħda. Inxtraw bi prezz għoli mill-imħabba ta’ Kristu. Għala niddubitaw mill-preżenza tiegħu? Xejn ma jista’ jifridni minn idu. L-għajn tal-fidi, il-bidu tal-fidi hu s-smigħ. Smigħ tal-għatx klubi tagħna ta’ ġid u dawl. Smigħ tal-Kelma ta’ Ġesù li hu jsemmagħhielna biex jurina l-Missier. Dan is-smigħ iħallina nisimgħu ħajjitna b’mod differenti, inqiegħdu l-Vanġelu bħala sies tal-għażliet tagħna.