Ir-4 Ħadd tal-Għid Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Ir-4 Ħadd tal-Għid - Sena Ċ
“LEĦEN IR-RAGĦAJ”

Kull sena, ir-Raba’ Ħadd tal-Għid huwa ddedikat lix-xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb. Kull sena liturġika toffrilna opportunità biex inħarsu lejn din ir-realtà sabiħa u għażiża ta’ Kristu Ragħaj minn lenti kemmxejn differenti.

Dis-sena, il-qari huwa qasir imma jiġbor fih l-essenzjali. Għandna lil Ġesù li jagħmel enfasi fuq il-fatt li n-nagħaġ tiegħu jisimgħu leħnu u li hu jagħrafhom. Diġà minn dik il-frażi qasira għandna ħjiel ta’ relazzjoni reċiproka. Hawnhekk m’għandniex relazzjoni “one-way” bin-nagħaġ li jkollhom bilfors jisimgħu u jobdu; ir-Ragħaj ġenwinament jixtieq il-ġid tagħhom u jafhom waħda waħda, jagħrafhom minn xulxin. Band’oħra Ġesù saħansitra jgħidilna li jafhom b’isimhom.

Ma nixbax nenfasizza dan l-aspett tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla: bħalma ragħaj tajjeb jaf kull nagħġa li jkollu, bil-bżonnijiet u bil-karatteristiċi kollha tagħha (tajbin u ħżiena), hekk ukoll Alla. Meta niċċelebra s-sagrament tal-Magħmudija, inħobb infakkar lill-ġenituri u l-parrini li l-mistoqsija li nagħmlu fil-bidu tar-rit (“X’isem tridu tagħtu lit-tarbija tagħkom?”) mhijiex biss formalità, biex naqtgħu kurżità jew biex inżidu isem ieħor fir-reġistru parrokkjali. Aktarx hija tifkira tal-fatt li Alla jgħożż liċ-ċkejknin tiegħu u jħobbhom, wieħed wieħed u waħda waħda, bl-isem u l-kunjom. Alla tagħna mhux interessat fil-massa tan-nies, fil-folol bla wiċċ, imma fil-persuni reali. Mhuwiex accountant jagħmel is-somom (b’kull rispett lejn min għandu din il-professjoni); huwa Missier li jiġbor ’l uliedu.

Għalhekk Ġesù jisħaq fuq il-fatt li min-nagħaġ tiegħu ma tintiliflu l-ebda waħda, u li hu jagħtihom il-ħajja ta’ dejjem. Għax in-nagħaġ fdahomlu l-Missier u kull nagħġa fil-merħla tal-Mulej hija prezzjuża għalih; ma jaċċettax li jintilfulu, iżda jibqa’ jiġri warajhom sa ma jsibhom u jsalvahom.

Dan il-ħsieb ifakkarni f ’mara anzjana li darba – sfortunatament – kelli niċċelebra l-funeral ta’ wieħed minn uliedha li miet b’diżgrazzja. B’qalbha maqsuma u d-dmugħ iġelben ma’ ħaddejha, ħdejn il-qabar qaltli frażi qawwija: “Mhux imbilli jkollok ħafna wlied, Father; meta tkun ġenitur, kull wieħed u waħda minnhom ikun id-dinja għalik.”

Jekk aħna bnedmin dgħajfa kapaċi jkollna sentimenti għolja bħal dawn, kemm aktar Alla! U dan iwassalni biex nirrifletti dwar x’xorti għandna li nagħmlu parti mill-merħla ta’ dan ir-Ragħaj li jħobbna u li jrid biss il-ġid tagħna. Hu qatt ma jonqos mill-missjoni tiegħu; issa jmiss lilna li nkunu attenti biex nisimgħu leħnu u nimxu warajh.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content