Ir-4 Ħadd tal-Avvent - Sena B
IT-TĦABBIRA
Fr Edmund Teuma
Fir-raba’ u l-aħħar Ħadd tal-Avvent, il-liturġija tlaqqagħna mal-Madonna, li flimkien ma’ San Ġużepp u Ġesù nnifsu, hija waħda mill-protagonisti ewlenin tal-ġrajja tal-fidwa. Marija tidher quddiemna f’dak il-waqt li fih għarfet x’ried Alla mingħandha, u hi, għad li kellha d-diffikultajiet tagħha, baxxiet rasha u obdiet: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek.” Hi semgħet il-kelma u nisslet il-Kelma: “L-Iben ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1:14). Is-silta ta’ Luqa turina li f’Ġesù kienu sa jseħħu l-wegħdiet li Alla kien għamel lil David. Il-Vanġelu jgħid ċar ukoll li Ġesù tnissel f’omm li baqgħet verġni fit-tnissil u t-twelid tiegħu “għax għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir.” Dan jurina li s-salvazzjoni seħħet biss bl-inizjattiva ta’ Alla, għad li l-bniedem irid jagħti sehmu wkoll billi jilqa’ u jgħix ir-rieda ta’ Alla bħalma għamlet Marija.