Ir-4 Ħadd tal-Avvent - Sena A
ĠESÙ SALVATUR TAL-POPLU
Fr Edmund Teuma
Illum naraw lil Ġużeppi jidħol fi kriżi kbira li fiha kien qatagħha li jibgħat lil martu Marija li kienet tqila imma mhux minnu. L-ewwel nett irridu nifhmu li Ġużeppi u Marija kienu miżżewġin, iżda kienu f’dik il-fażi li fiha kienu għadhom ma marrux joqogħdu f’dar waħda. Kienet drawwa fost il-Lhud li l-miżżewġin friski jgħaddu sena mbegħdin minn xulxin f’dar tfulithom. Dan kien iservi biex ir-raġel iħejji ruħu, jaħdem iżjed, jaqla’ aktar flus biex ikun jista’ jidħol għall-piż tal-familja. Ġużeppi ried jibgħatha “bil-moħbi tan-nies”. Lil Marija kien iħobbha, u kieku ma jagħmilx hekk kien jirriskja li xi ħadd jirrappurtaha u kienu jikundannawha għat-tħaġġir. Iżda meta kien f’dik il-qagħda, il-Mulej nebbħu u fissirlu li dak li ġara f’Marija seħħ bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Dak kien miraklu. Qallu: “Hi sa jkollha iben, imma int issemmih Ġesù.” Jiġifieri l-isem sa tagħtihulu int u sa tkun għalih bħal missieru. In-nies lil Ġesù kienu jaħsbuh bin il-mastrudaxxa. Il-Vanġelu jagħtina t-tifsira tal-isem “Ġesù” = “hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.” U jgħid ukoll li dan it-twelid mirakuluż hu mwettaq bl-Iskrittura (Is 7:14). Ġużeppi, bniedem ta’ fidi kbira, għamel kif ordnalu l-Mulej. Huwa sieħeb lil Marija fil-qadi tar-rieda ta’ Alla u daħal għar-responsabbiltà li jagħmilha ta’ missier għal Ġesù.