Ir-4 Ħadd tal-Avvent A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Ir-4 Ħadd tal-Avvent A
NIKKOPERAW
 
Fid-dinja kulħadd jiġi bżonn xulxin u l-ħidma ta’ kull persuna trid tiġi apprezzata. Jekk inħarsu lejn is-soċjetà nintebħu li aħna ma nistgħux ngħaddu mingħajr tobba meta nkunu ma nifilħux; għandna bżonn l-avukati biex jaqbżu għalina f ’xi kawża l-qorti; l-istess ngħidu għall-bdiewa li jagħtuna l-ħxejjex; lill-kenniesa li jnaddfulna t-triqat; l-għalliema li jgħallmu lil uliedna; il-pulizija li jipproteġuna; il-ħaddiema kollha, anki dawk barranin li jikkontribwixxu għall-ekonomija tal-pajjiż. Insomma kulħadd għandu postu fis-soċjetà u kulħadd hu fid-dmir li jikkoopera flimkien biex il-pajjiż ikun jista’ jimxi ’l quddiem. L-ebda ħidma ma rridu niddisprezzaw għax kull xogħol huwa bżonnjuż għall-ġid tas-soċjetà. B’hekk naraw li x-xogħol għandu valur indispensabbli għall-ħajja tal-bnedmin, u aktar ma ċ-ċittadini jikkooperaw flimkien aktar ikunhemm lok ta’ ordni u għajxien fil-paċi.

Fl-Evanġelju tal-lum, meħud minn San Mattew (1:18-24), naraw kif anki l-Mulej jitlob il-ħidma u l-kooperazzjoni tal-bnedmin biex ikun jista’ jtemm il-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni. U l-Mulej jgħid lil Ġużeppi: ‘La tibzax tilqa’ għandek lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġie bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.’ Alla ried li s-salvazzjoni tal-bnedmin tiġi bl-istess  kooperazzjoni tal-bnedmin. B’hekk il-bniedem isir kooperatur ewlieni ta’ Alla f’kull att ta’ salvazzjoni li kien ippjanat bl-għerf infinit tiegħu. L-Iskrittura Mqaddsa hija miżgħuda b’nies li kienu ubbidjenti għas-sejħa li għamlilhom Alla biex jikkooperaw miegħu. Ibda minn Noè u Abraham, li jissemmew fil-ktieb tal-Ġenesi, sa Ġużeppi u Marija, li niltaqgħu magħhom illum, kienu nies attenti u ubbidjenti għas-sejħa tal-Mulej.

Żmien l-Avvent jerġa’ jagħmlilna din is-sejħa qawwija li nkunu kooperaturi kuraġġużi tal-Mulej. Biex naslu għal dan irridu nkunu attenti għall-kelma tiegħu li qed tinqara f ’dan iż-żmien qaddis. Ma’ dan irridu nkunu wkoll attenti għall-bżonnijiet ta’ ħutna l-bnedmin. Noqogħdu attenti li ma ninġarrux mal-kurrent li kulma ma jmur qiegħed jaqbad fostna u jħajjarna ma naċċettawx lil kulħadd speċjalment dawk ta’ fehema, ġilda, razza u orjentazzjoni sesswali li ma jkunux bħal tagħna. Ġesù Kristu ġie għal kulħadd u n-Nisrani jrid jaċċetta lil kulħadd, hu kif inhu, għax kulħadd hu ħolqien ta’ Alla. L-Ispirtu s-Santu li ħadem f’Marija jaħdem fina biex tassew inkunu kooperaturi denji tiegħu.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content