Ir-4 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ
L-IMĦABBA TIĦRI U TEMMEN
L-imħabba tħaddan fiha ħafna paradossi u l-kwadru taż-żjara ta’ Marija lil Eliżabetta għandu bosta minn dawn. L-imħabba taf tistenna u liema stennija hi aqwa minn dik tal-Verġni tqila? Iżda l-imħabba, fl-istess ħin, ma tistenniex, ma titlajjax, iżda tiġri; ma tħallix għal darba oħra, iżda tagħmel issa u hi dejjem preżenti… u Marija «qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet.» L-imħabba hija aktar minn emozzjoni, l-imħabba hija taħrika. Dan tgħallimhulna dik it-tfajla ta’ Nazaret, li mimlija bl-imħabba għal Sidha, ma qagħditx wieqfa magħluqa fiha nfisha, iżda telqet timxi, saret don ta’ mħabba f’isem dak id-Don. L-imħabba, imbagħad, temmen – «hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej!» – iżda l-fidi tagħha, sewwasew għax hi fidi li tħobb, issir azzjoni, issir qrubija, issir ferħ maqsum, issir storja. L-imħabba? L-imħabba hija isbaħ mill-poeżija għax il-poeżija tiddeskrivi dak li mhux reali, l-imħabba tbiddel ir-realtà.