Ir-4 Ħadd tal-Avvent Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Ir-4 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ

ŻEWĠ NISA FIDWA WAĦDA

 
F’dan iż-żmien qaddis tal-Avvent li bih il-Knisja tiftaħ is-sena liturġika tagħha, aħna msejħa nġeddu fina l-istennija tas-Salvatur. Din mhix aktar l-istennija tal-poplu Lhudi fit-Testment il-Qadim, għax dak li kien imwiegħed lilhom wasal u jumejn oħra nfakkru l-miġja tiegħu li seħħet fl-għar ta’ Betleħem elfejn sena ilu. Illum aħna msejħa nġeddu fina l-istennija tiegħu qabel xejn f’ħajjitna u fis-soċjeta tagħna, imbagħad b’mod speċjali, fit-tieni miġja, meta kif wiegħed huwa stess jerġa’ jiġi fil-glorja.
 
 
Iż-żewġ nisa fil-qari tal-Evanġelju jirrappreżentaw żewġ popli u żewġ żminijiet. Eliżabetta, il-mara anzjana tal-Qassis Żakkarija, tagħlaq it-Tesment il-Qadim u tissimbolizza l-istennija ta’ poplu li huwa ħerqan jistenna t-twettiq tal-wegħda ta’ Alla li jibgħat Salvatur. Mill-banda l-oħra, it-tfajla Marija hija mit-Testment il-Ġdid u huwa propju permezz tagħha li dik il-wegħda ġa kienet bdiet titwettaq.
 
 
Anki fl-ulied li kienu qed iġorru f ’ġufhom nilmħu ż-żewġ poplu miż-żewġ alleanzi. Ġwanni huwa l-aħħar profeta tal-Patt il-Qadim li b’differenza minn dawk ta’ qablu huwa ma jħabbarx aktar li ġej il-Messija, imma li dan issa wasal. Iben Marija, imnissel fiha b’ħidma diretta tal-Ispirtu s-Santu, huwa l-milja tal-wegħda, l-istennija milħuqa. Ġwanni huwa l-istennija. Ġesu huwa l-Mistenni.
 
 
Eliżabetta tixbah l-Arka tal-Alleanza tat-Testment il-Qadim li fiha l-Poplu Lhudi kien jilmaħ simbolu tal-preżenza ta’ Alla f ’nofsu. Imma fil-Mara l-ġdida, mhux aktar b’mod simboliku hemm il-preżenza ta’ Alla, b’mod imlaħħam u reali, għaliex fiha għall-ewwel darba hemm l-istess Alla-Bniedem. Minn hawn ġejja l-ħeġġa li jilmah l-Evanġelista Luqa f’Marija, li marret tħaffef lejn dar Żakkarija biex fiha twassal il-preżenza ta’ Dak li kienu ilhom tant jistennew.
 
 
Marija kienet l-ewwel dixxipla u l-ewwel evanġelizzatriċi, l-ewwel waħda li laqgħet lil Ġesu f’ħajjitha u l-ewwel waħda li wasslet l-aħbar it-tajba tal-miġja tiegħu. Biż-żjara u l-qadi tagħha lil qaribitha kienet qed tagħmel missjoni ta’ Evanġelizzazzjoni lilha u lin-nies ta’ darha. Warajha aħna msejħin biex nagħmlu l-istess. Li nilqgħu lil Ġesù f ’ħajjitna u nwassluh lill-oħrajn permezz tal-qadi tagħna lilhom. Il-qadi u l-evanġelizzazzjoni mhumiex żewġ azzjonijiet differenti tad-dixxipli ta’ Kristu, imma permezz tal-waħda tkun qed titwettaq l-oħra. Bħal Marija jiena mmur biex naqdi u permezz tal-qadi tiegħi, l-Ispirtu s-Santu jevanġellizza l-istess kif għamel permezz tal-qadi tagħha.
 
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content