Ir-4 Ħadd tal-Avvent Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Ir-4 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ

MIN JILTAQA’ MA’ ALLA MA JISTAX MA JSIRX QADDEJ

Wara li matul l-Avvent kellna diversi personaġġi li riedu jgħinuna nħejju ruħna għall-festa tal-Milied, fosthom il-profeta Isaija u Ġwanni l-Battista. Illum f’dan ir-raba’ Ħadd sa nħallu żewġ persunaġġi oħra li jridu jgħallmuna x’atteġġamenti jrid ikollna biex naslu għall-festa tal-Milied kif inhu xieraq. F’din il-paġna tant familjari taż-żjara ta’ Marija lill-qariba tagħha Eliżabetta joħorġu erba’ ateġġamenti importanti li tajjeb nosservaw. L-ewwel atteġġament huwa dak tal-umiltà ta’ Eliżabetta: “Minn fejn ġieni li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?” Fil-Milied din it-tarbija ġejja tiltaqa’ ma’ dawk il-qlub umli li matul dan l-Avvent għarfu fid-dgħufija tagħhom, bil-limiti u n-nuqqasijiet tagħhom, jgħollu leħinhom ’il fuq u jgħajtu “Maranatha”, ejja Mulej Ġesù. Il-Mulej mhux qed jistenna qlub perfetti, iżda qlub ta’ rieda tajba.
 
Atteġġament ieħor hu dak tal-attenzjoni għas-sinjali li jagħti Alla meta jżurek, jiġifieri l-ferħ, li hu l-firma tiegħu. Aħna rridu nkunu nies kapaċi nagħżlu l-ferħ ta’ Alla minn ferħ ieħor, ferħ li jinħass taħt l-irmied ta’ ħajjitna, ferħ li jikkompeti u jirbaħ fost il-ħafna taqlib, inkwiet u wġigħ u tbatijiet ta’ ħajjitna. Eliżabetta kienet kapaċi tagħraf li dik il-qabża tat-tarbija kienet qabża mhux bħal tas-soltu iżda pprovokata minn din iż-żjara tal-Mulej f’ħajjitha.
 
Atteġġament ieħor huwa dak li nkunu kapaċi ngħidu iva għall-kelma u r-rieda ta’ Alla: “hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej.” Jekk tassew irridu li t-twelid ta’ Ġesù f’dan il-Milied ma jkunx biss reċta tat-tfal li fiha nqiegħdu biss bambin tal-ġibs taħt l-altar, jeħtieġ nisimgħu u ngħixu tassew il-Kelma. Meta nagħmlu dan bis-serjetà nkunu qed nagħtu opportunità lil Ġesù jitwieled mill-ġdid f’ħajjitna u fl-ambjenti tagħna. Dan għax inkunu qed nagħtu moħħna, għajnejna, qalbna, idejna riglejna u qalbna lilu biex hu jaġixxi f’isimna.
 
L-aħħar atteġġament hu dak tas-servizz. Jekk irridu nkunu nafu tassew jekk fil-Milied għamilniex esperjenza vera ta’ Alla biżżejjed naraw sirniex iżjed nies ta’ servizz. Min jiltaqa’ ma’ Alla ma jistax ma jsirx qaddej. Il-qawwa ta’ Alla tinsab fil-ħila tiegħu li jaqdini, li jaħsilli saqajja. Kif jista’ jkun li aħna ma nsirux bħalu? Marija hekk kif intebħet li fiha qed iġġor lill-Mulej ingħatat minnufih lill-oħrajn, marret tħaffet lejn qaribitha Eliżabetta.
 
Jalla dawn l-atteġġamenti jgħinuna naslu għall-festa tal-Milied bl-aħjar dispożizzjoni possibbli!
Din il-kitba ssibha fil-ktieb:
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content