Ir-4 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ
ALLA ĠEJ BIEX JIMLIELEK QALBEK
M’aħniex hawn biex nagħmlu ta’ birruħna li mbagħad Ġesù jitwieled: Alla diġà twieled, miet u qam u jgħix glorjuż. F’dan iż-żmien li ngħatalna, f’din il-ħajja ftit jew wisq sodisfaċenti, imiss lilna d-dmir li nħallu ’l Alla jitwieled fi qlubna. Mhux Alla li jrid jitwieled, imma aħna.
Alla ġej biex jimlielek qalbek: din hi l-bxara t-tajba li sa niċċelebraw ftit ġranet oħra. Kieku ngħidlek: għandek ħajja ta’ suċċess, xogħol għal qalbek li bih taqla’ ħafna flus, dar tal-ħolm, mara mill-aħjar, ulied edukati u sensibbli, is-salott tad-dar armat bis-siġra u d-dwal u l-arja tal-festa, mela ifraħ, x’inkun qed ngħid speċjali? Din xi bxara tajba hi? Jiġi Alla li jagħti l-hena lil nies li huma ġa henjin? Ir-realtà hi sewwasew il-kuntrarju: l-hena jinsab band’oħra, hija s-salvazzjoni ta’ Alla li tant iħobbok li ta lilu nnifsu bħala tarbija tat-twelid. Dan hu hena li anki l-fqir jista’ jilżqu, anzi aktar jista’ jilħqu l-fqir għax hu aktar dispost għalih. Il-bxara t-tajba hi li Alla jista’ jintlaħaq, hu sempliċi, hu differenti. Hu differenti mill-beżgħat tagħna, differenti mill-istħajjil li jħabbatna. U Marija u Eliżabetta dan issa jafuh, ikantawh u jxandruh. Ixandru l-opra ta’ Alla, jaqrawha fl-istorja tal-bnedmin, jilmħuha fil-fedeltà ta’ poplu salvat – Israel. L-hena tagħhom jixtered għax issa qed jaraw ċar u mdawwal il-ħsieb ta’ Alla miktub fl-istorja ċkejkna tagħhom.