Ir-4 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ
GĦAL ALLA MIN HU L-AKBAR... U GĦALIK?
Qatt ħsibt kemm tkun ħaġa sabiħa kieku d-dinja kellha toħloq kampanja dwar il-valuri? Tgħid ikollna turn out tajba għal din l-isfida?
Qed ngħixu f’soċjetà kompetenti. Nisimgħu ħafna dwar Beauty Contests: Miss Malta u Miss Photogenic... Huma kollha affarijiet tajbin imma huma biżżejjed biex ninsġu tapizzerija mill-isbaħ ta’ ħajjitna?
F’dan l-aħħar Ħadd tal-Avvent, il-protagonista fil-Vanġelu hi Marija li tgħinna nħarsu lil hinn minna nfusna biex nillimaw ħajjitna u nibnuha fuq il-VERITÀ. Marija titfa’ dawl fl-arji mtappna mhux tant bil-kliem iżda bl-eżempju tagħha.
- Mudell tal-karità fraterna. Kemm inkunu pronti biex ngħinu lill-oħrajn anki meta aħna stess inkunu fil-bżonn? Kemm drabi nduru fuqna nfusna u ngħidu: ‘Kif jista’ jkun?’ jew ‘Jien agħar minnha!’ jew ‘Lili min jiġi jgħinni?’ Minkejja li kienet qed iġġorr it-tarbija tagħha, ma tlajjatx biex tmur tassisti lil Eliżabetta! Il-karità ta’ Marija hi okkażjoni ta’ grazzja: ‘...it-tarbija qabżet bil-ferħ...’
- Mudell ta’ barka. Min jagħti minn qalbu hu mbierek. F’Marija, Eliżabetta tilmaħ il-grazzja t’Alla: ‘...imbierka inti fost in-nisa...’ Kemm għandna kliem sabiħ għall-oħrajn fuq fommna? Kemm qed nikkumplimentaw, ninkoraġixxu, infaħħru lil dawk ta’ madwarna – fil-familji, fl-iskejjel, fuq ix-xogħol, fil-postijiet tad-divertiment...?
- Mudell ta’ umiltà. Għal kliem Eliżabetta, Marija ma tintefaħx biha nfisha imma tinfexx f’għanja ta’ tifħir lil Alla: il-Magnificat. Marija tgħallimna li l-valuri prezzjużi nsibuhom fil-qlub umli... ‘Ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu...’ Alla ntilef wara s-sempliċità tagħha... mhux wara l-unuri, il-popolarità, il-ġid materjali! Alla għażel tfajla li kien jaf li fix-xejn tagħha kienet qalbha miftuħa għall-pjan tiegħu għaliha.
L-għażla preferuta tal-fqar tispikka dejjem fil-ħolma li Alla għandu għall-bniedem... filwaqt li dan għalina llum jista’ jkun li jistona. Tiġina naturali li nagħżlu lil min għandu isem, lil min għandu l-flus, lil min jaqlagħna tajjeb...
Marija, bis-skiet tagħha ċċanfar l-attitudni egoista tagħna meta nfittxu li inkunu egoċentriċi u ninsew il-bżonnijiet ta’ dawk ta’ madwarna. Iċċanfarna anki fil-pretensjonjijiet tagħna biex dejjem nispikkaw u nistennew li l-oħrajn ibaxxu rashom quddiemna, jaqduna, ikunu warajna f’kollox!
Nitolbu ’l Marija tkun l-għalliema ta’ qalbna f’daż-żmien. Jalla bħalha nistennew li ‘jseħħ kulma qalilha l-Mulej’ biex aħna wkoll niċċelebraw it-twelid veru fil-ħajja tagħna lkoll!