Ir-4 Ħadd matul is-sena A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Ir-4 Ħadd matul is-sena A
HENJIN IL-FOQRA FL-ISPIRTU
 
San Mattew jibda d-diskors tal-muntanja b’dawk li jissejħu “beatitudnijiet” għax kull waħda minnhom tibda bil-kelma “henjin” (bil-Latin “beati”). Huwa diskors twil u importanti ħafna għax fih jiġbor il-mod kif in-Nisrani għandu jgħix il-Vanġelu biex ikun xhud awtentiku ta’ Kristu. L-importanza tad-diskors tidher sa mill-bidu nett għax l-Evanġelista jgħid li Ġesù “tela’ fuq muntanja” u beda jgħallem lill-ġemgħa. Dan ifakkarna fis-Sinaj: Mosè tela’ fuq il-muntanja u ħa minn idejn Alla l-għaxar kmandamenti – il-liġi ta’ Alla għat-Testment il-Qadim. Hawn għandna lil Ġesù, Mosè ġdid, li wkoll tela’ fuq muntanja, iżda Ġesù – Alla magħna – kien hu stess, bis-setgħa tiegħu li ġedded il-liġi ta’ Alla u adattaha għat-Testment il-Ġdid, biex minn liġi miktuba fuq il-ġebel iġibha miktuba fil-qlub tal-laħam. Il-beatitudnijiet jiġbru fihom dak kollu li tistmell id-dinja u jsejħu hieni lil kull min jgħaddi minnu. Dan jaqbel mar-ritornell li nsibuh bosta drabi fil-Vanġelu: “Tal-aħħar jiġu l-ewwel”; u jurina kif Alla jirraġuna bil-maqlub ta’ kif nirraġunaw aħna. L-ewwel beatitudni tiġbor fiha l-qofol tat-tmienja l-oħra. “Henjin il-foqra fl-ispirtu.” Min huma dawn? Huma dawk li jagħrfu li jiddependu f’kollox mir-rieda ta’ Alla u jħalluha sseħħ f’ħajjithom. Dawn huma dawk li għandhom qalbhom ħelwa u din tkun mimlija bis-sliem meta jkunu mnikkta, meta ssirilhom inġustizzja, meta jħennu, meta jġibu l-paċi... meta tqum kontrihom xi persekuzzjoni għax huma Nsara veri. Dawn huma li jifirħu u jithennew għax ħlashom kbir fis-smewwiet.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content