Ir-4 Ħadd matul is-sena - Sena A
IL-LIĠI L-ĠDIDA
Id-dinja trid tbellagħhielna li l-kisba tal-hena hi ħaġa ħafifa: biżżejjed ikollok, biżżejjed tidher, biżżejjed tesaġera. Min jemmen tabilħaqq f’dil-gidba jsib ruħu b’ponn dubbien f’idu, fis-sakra u barra minn sensih. Iżda nistgħu nkunu henjin?
San Mattew jibda d-diskors twil tal-muntanja: bħal Mosè ġdid, Ġesù jitla’ fuq muntanja, mhux is-Sinaj imma fl-għoljiet tal-għadira ta’ Tiberija, biex jagħti l-liġi l-ġdida, mhux aktar imnaqqxa fuq twavel tal-ġebel, iżda mnaqqxa fi qlub id-dixxipli. Ġesù jħawwadna: il-beatitudnijiet, il-ferħ, l-hena, huma sewwasew il-kuntrarju ta’ dak li aħna nqisuh bħala l-għajn tal-ħajja hienja: l-għana, il-qawwa, il-ħsieb, il-ħjiena, l-arroganza. X’inhu jgħid Ġesù? Forsi qed ifaħħar viżjoni ta’ Kattoliċeżmu rassenjat u tellief li wisq drabi narah madwari? Forsi qed jgħidli li jekk l-affarijiet mhux sejrin tajjeb, jekk jiena fqir, jekk jien vittma tal-vjolenza, jekk ninsab muġugħ u mbikki, għandi xortija tabilħaqq tajba? Ġesù jitkellem dwar il-Missier, jiddeskrivi l-wiċċ veru tiegħu, jgħid dak li dwar Alla qatt ma smajna hekk kif għexu u għadu jgħixu hu. Il-Missier, Alla veru, huwa Alla fqir, Alla ħanin, Alla twajjeb, Alla li jħobb is-sliem, Alla li, għall-imħabba, jinsab lest li jbati. Alla differenti ħafna minn kif nistħajluh aħna, Alla daqshekk straordinarju u armonjuż Ġesù biss jista’ tabilħaqq jurihulna, għax hu u l-Missier huma ħaġa waħda.