Ir-4 Ħadd matul is-sena Ċ
SALVAZZJONI GĦAL KULĦADD
L-ewwel ħaġa li turina s-silta: kemm hi ħaġa tqila li n-nies jilqgħu mqar kelma tajba minn min ikunu jafuh. Hekk qalilhom Ġesù lil nies pajjiżu li ma laqgħuhx: “Ebda profeta ma hu milqugħ tajjeb f’pajjiżu.” B’xorti ħażina lil min nafuh aktar narawlu d-difetti jew in-nisel umli li minnu jkun imnissel: “Dan mhux bin Ġużeppi?” Ma seħħilhomx jaraw fih lill-Messija Bin Alla l-ħaj. Biex tara dan irid ikollok il-fidi. U seħħ dak li qal San Ġwann fid-daħla tal-Vanġelu tiegħu: “Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:11). It-tieni ħaġa li tgħallimna s-silta hi li Alla jrid isalva lil kulħadd bla ebda għażla ta’ razza. Ġesù jġib żewġ eżempji meħudin mill-istorja ta’ Israel ta’ nies li laqgħu s-salvazzjoni ta’ Alla, iżda li kienu joqogħdu f’territorji pagani, li jaqgħu ’l barra mit-territorju tal-art imqaddsa, u li għal-Lhud kienu nies barranin li ma jistoqqilhomx jirċievu grazzji mingħand Alla. Dawn kienu l-armla minn Sarefta ta’ Sidon li laqgħet għandha lill-profeta Elija (1 Slat 17:1-7), u Nagħman tas-Sirja li fejqu l-profeta Eliżew (2 Slat 5:1-4). Kliem Ġesù qajjem l-għadab tannies li ma ridux jilqgħuh, iżda bihom u mingħajrhom il-verità xorta riedet tibqa’ tixxandar: “Hu għadda minn nofshom u baqa’ sejjer.” Aħna għandna bżonn lil Alla u mhux Alla lilna.