Ir-34 Ħadd matul is-sena B
ĠESÙ U S-SALTNA
«“Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn.” Pilatu qallu: “Mela int sultan?”» F’din il-festa ta’ Kristu Sultan, sewwasew biex ir-regalità tas-Sultan tas-slaten ma taqax fil-ħatfa mħawda ta’ dawk li jħobbu s-setgħa, nieqfu biex nimmeditaw fuq dak li jagħżel għaliha r-regalità ta’ Kristu, aħna u nagħmlu tagħna l-mistoqsija ta’ Pilatu. Dan nagħmluh aħna u nħarsu lejn il-kontrast bejn Kristu Sultan u s-slaten ta’ din id-dinja. Is-setgħana jridu jsaltnu biex jaħtfu, is-Sultan tiegħi jsaltan għax jingħata; is-setgħana joqogħdu fuq tronijiet imdiehba, is-Sultan tiegħi jsaltan mit-tron tal-għuda tas-Salib; is-setgħana jsaltnu biex jinqdew huma, is-Sultan tiegħi sar qaddej ta’ kulħadd, anki ta’ min ċaħdu; is-setgħana jieklu minn djar il-foqra, is-Sultan tiegħi sar ħobż maqsum u mogħti għal kulħadd, anki għal min tah għall-mewt; is-setgħana jaħarqu bl-imħabba għas-setgħa, is-Sultan tiegħi jaħraq għas-setgħa tal-Imħabba. Inti biss Sidi, is-Sultan tiegħi u tal-univers. Ħa tiġi Saltnatek! Ejja, Mulej Ġesù: Maranatha.