Il-Magħmudija tal-Mulej Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Il-Magħmudija tal-Mulej - Sena Ċ

SAR BNIEDEM GĦALIK U GĦALIJA...

Meta jkun hemm ftuħ ta’ xi ħaġa ġdida, bħal sptar, djar tal-anzjani, lukanda, skola, issir ċelebrazzjoni flimkien ma’ lapida kommemorattiva biex tfakkar il-bidu tal-ħidma rispettiva. Illum għandna ‘ftuħ ta’ ċelebrazzjoni’ b’differenza: il-Magħmudija ta’ Ġesù. Fil-verità, Ġesù ma kellux bżonn jitgħammed għax kien bla dnub; imma kien meħtieġ li jieħu l-magħmudija biex jagħti tifsira lill-missjoni tiegħu. Hu ġie biex jieħu fuqu id-dnubiet tagħna, imut għad-dnubiet tagħna u jqum għal ħajja ġdida. Din hi l-magħmudija li Ġesù jgħaddi lilna. Aħna lkoll tgħammidna, u dan fisser li tlibbisna bi grazzja speċjali, inħlisna mill-jasar li innoċentement twelidna fih. Issa l-għażla tinsab f’idejna kemm u kif sa nkomplu nħaddnu dan il-ħelsien.

Ġwanni l-Battista kien ħabbar li dak li sa jiġi warajh sa jkun aqwa minnu: ‘Jien ngħammidkom bl-ilma...iżda hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.’ Il-wegħda ta’ Alla tibqa’ fil-milja tagħha.  Tissupera l-istennija tal-bniedem. Is-sejħa tal-Battista kienet li jżomm miftuħa din l-istennija, biex ma jbaxxix ir-rigal u l-glorja ta’ Alla għal livell ta’ tama sempliċiment umana. Kemm sfortunatament għandna profeti foloz fostna! Kemm hu diffiċli li nżommu ħajja l-fidi biex inkunu dejjem disponibbli għas-sorpriżi ta’ Alla! Ġwanni bi kliemu jrid ifisser li hu jrid jgħaddas lill-bniedem fil-verità, fl-ilma tal-limiti tiegħu u tal-mewt tiegħu, fl-umanità tiegħu hu u jistenna ‘lil Dak li hu aqwa’. Hu Ġesù li jgħammidna fl-istess ħajja ta’ Alla. Din hi s-salvazzjoni tal-bniedem: li jkollu sehem mill-ħajja ta’ Alla, min-nar ta’ mħabbtu! Il-grazzja li nirċievu fil-magħmudija hi rigal mogħti b’xejn... dan mhux għax għamilna xi ħaġa tajba imma għax kif jgħid Santu Wistin: ‘Alla ħabbna qabel ma biss aħna ħabbejnieh.’ Hi din il-grazzja li tagħnina bid-dawl u l-qawwa biex inħabirku biex ngħixu s-sejħa tagħna ta’ Nsara b’passjoni, dinjità, ġustizzja u ħniena anki fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna.

Il-magħmudija turina li Ġesù ġie biex isalva lil kulħadd. Hu deher fil-ġisem li jmut biex tiddi l-grazzja tiegħu fil-ħajja ta’ kull bniedem. Ejjew nilqgħu f’qalbna dir-realtà sabiħa tat-tjieba, tal-umiltà fertili ta’ Ġesù li b’konsegwenza deher fil-glorja biex isalva lilek u lili. Din hi s-sejħa li tgħarrfet lilna lkoll biex ngħixu l-magħmudija tagħna... biex b’hekk inkomplu nterrqu filwaqt li l-mixja tagħna bħala dixxipli tiegħu tkompli.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content