Il-Magħmudija tal-Mulej A
DAN HU IBNI L-GĦAŻIŻ
Jgħid il-Vanġelu li fil-bidu tal-ħajja pubblika tiegħu, Ġesù mar fl-inħawi tax-xmara Ġordan u resaq lejn Ġwanni l-Għammied biex jitgħammed. Il-magħmudija ta’ Ġwanni, li llum ma għadhiex teżisti, mhijiex il-Magħmudija Sagrament li rċevejna aħna. Dik li rċevejna aħna għandha s-setgħa li taħfer id-dnubiet: biha lilna nħafrilna d-dnub tan-nisel. Dik ta’ Ġwanni kienet biss sinjal li jidher minn barra ta’ penitenza. Lejn Ġwanni kienu jersqu l-midinbin biex juru x-xewqa tagħhom li jibdew ħajja ġdida ’l bogħod mid-dnub, u bħala sinjal ta’ dix-xewqa kienu jitgħammdu fil-Ġordan. Ġesù ma kellu ebda ħtieġa li jagħmel din iċ-ċerimonja, għax billi hu Alla, ma għandu ebda dnub – Alla u d-dnub ma joqogħdux flimkien. B’danakollu hu xorta waħda mar jitgħammed. Dan għamlu b’solidarjetà mal-midinbin, li hu ġie biex jeħlishom mid-dnub. Ġwanni sejjaħ lil Ġesù l-“Ħaruf ta’ Alla”, dak li tgħabba bid-dnub tad-dinja u neħħieh min-nofs. Għalhekk wara li tgħammed, il-Vanġelu jgħid li t-Trinità kollha dehret fil-ħidma tas-salvazzjoni: l-Ispirtu niżel fuq Ġesù, l-Iben deher bħala bniedem fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazaret, u nstema’ leħen il-Missier jistqarr: “Dan hu Ibni l-għażiż, fih sibt l-għaxqa tiegħi.”