Il-Magħmudija tal-Mulej - Sena Ċ
ID-DLAM TAGĦNA JDAWLU BIL-PREŻENZA TIEGĦU
Ġwanni għeja: mifni bid-deżert u bix-xemx, bir-riħ tat-Tramuntana u bid-dawl jgħammex, bis-sawm u t-tgħakkis, issa l-ħidma tiegħu waslet fi tmiemha. In-nies ġew mill-bogħod, mill-belt ewlenija. Ħarbu mit-tempju biex isibu xhud kredibbli.
Jimxi mal-midinbin, niedem man-niedma. Ma għandux għalxiex jitlob maħfra, m’hemm ebda dell f’qalbu, iżda minn dan ma pprofittax ruħu. Hu li mhuwiex fid-dlam ried jaqsam magħna d-dlam tagħna biex idawlu bil-preżenza tiegħu. Mhux il-Ġordan ħasillu ħtijietu, imma l-preżenza tiegħu qaddset ilmijietu. Le, mhuwiex sa jaħraq bin-nar, lanqas sa jikkastiga, kif qal l-Għammied fil-prietki. Sa jingħaqad mal-midinbin u jmur ifittex in-nagħġa l-mitlufa. Isaija, fl-ewwel qari, mibgħut fl-eżilju f’Babel ma’ ħafna Lhud wara l-waqgħa ta’ Ġerusalemm, iħeġġeġ il-poplu mitluf u dgħajjef huwa u jxandar il-miġja ta’ Alla. Anki s-sebħ ta’ Alla, kif jgħid band’oħra Ġeremija, iħalli t-Tempju, li issa hu meqrud, u jitlaq marbut bil-ktajjen biex jibqa’ mal-poplu. Ġesù huwa Alla-magħna b’mod mill-aktar ċar. Aħna ħallejnieh fuq dirgħajn ommu, miqjum mill-Maġi. Issa qed insibuh adult, determinat, solidali. Qed tibda l-ħajja pubblika ta’ Alla. Wara l-magħmudija Ġesù jitlob: hu biss fil-ħajja ġewwiena li niksbu l-għarfien ta’ dak li jiġri fis-sagramenti. U fit-talb iħoss l-esperjenza tal-Missier. Ġesù jagħraf li hu maħbub u jogħġob lill-Missier.