Il-Magħmudija tal-Mulej - Sena Ċ
NIŻEL FL-ILMIJIET BIEX JERFAGĦNA MIEGĦU
Bil-magħmudija fil-Ġordan jidher il-mudell tal-ħidma tal-Mulej magħna. Kien tabilħaqq meħtieġ li jitgħammed għall-maħfra tad-dnubiet? Hu le, «billi hu bħalna f’kollox barra fid-dnub,» iżda tgħammed bħala Ħaruf li ħa fuqu d-dnub tad-dinja. Ġesù ma tgħammidx għax kellu bżonn jissaffa, iżda niżel fl-ilmijiet biex isaffi l-bniedem u l-ħolqien kollu. Ħa l-magħmudija mhux għax kien jeħtieġha, ħadha biex jagħti u biex jingħata. Niżel fl-ilmijiet biex jerfagħna miegħu. Sant’Efrem tas-Sirja, għannej kbir tal-magħmudija ta’ Kristu, fl-innijiet famużi tiegħu tal-Epifanija, iqiegħed dawn il-kelmiet fuq fomm Ġwanni l-Għammied: «Ġwanni għajjat: “Min ġej warajja kien qabli. Jiena l-leħen iżda mhux il-Kelma” […] Ġej fl-ilma biex jifdi lill-itturufnati. / Ġej biex iqiegħed il-ħmira tiegħu / u jerfa’ lejh lill-għarusa […] Fl-ilmijiet id-divinità / ħalltet il-ħmira tagħha; / il-ħmira tiġbed / lill-ħliqa msawra mill-art / u tħallatha mad-divinità.»