Il-Familja Mqaddsa B
MARRU JGĦAĠĠLU
Dis-sena fil-festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi għandna r-rakkont tal-preżentazzjoni tal-Mulej fit-tempju, festa li mbagħad nerġgħu niċċelebrawha għaliha fit-2 ta’ Frar. Fil-liġi tal-Mulej hemm miktub li kull iben li jitwieled l-ewwel hu kkonsagrat lill-Mulej – hu proprjetà ta’ Alla bi tpattija ta’ meta biex jeħles lil-Lhud mill-jasar tal-Eġittu l-Anġlu tal-mewt kellu jieħu lil kull imwieled l-ewwel tal-bnedmin u tal-bhejjem fil-qasam Eġizzjan. Hawnhekk għandna l-ikkonsagrat tal-Mulej per eċċellenza: Alla nnifsu magħmul bniedem dieħel fit-tempju tiegħu biex jingħata kollu kemm hu lill-Missier. Hija xena li tfakkarna fil-missjoni ewlenija li għaliha l-Verb sar bniedem: il-mewt fuq is-salib, li minn fuqu b’demmu offrut f’sagrifiċċju ħasel id-dnubiet tagħna l-bnedmin u seħibna miegħu fil-grazzja ta’ wlied. Għalhekk għandu tifsira qawwija kliem Xmun lil Marija: “Ara, dan sa jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel; sa jkun sinjal li jmeruh – u int ukoll, sejf jinfidlek ruħek!” Il-misteru tal-Milied nifhmuh biss kif għandu jiftiehem jekk narawh fid-dawl tal-misteru tal-Għid, li hu t-temma tal-ġrajja tal-fidwa. Sabiħ ukoll il-kwadru li bih tagħlaq is-silta: wara li temmew dmirhom lejn Alla marru lejn darhom biex hemm ikomplu mexjin fil-ħajja. Familja sempliċi li fil-qalba tagħha kellha lil Alla u li kull membru tagħha għex skont ir-rieda ta’ Alla. Jalla l-familji tagħna kollha fi ħdanhom ikollhom is-sliem ta’ Alla li kien ir-ruħ u l-qalb tal-familja ta’ Nazaret.