Il-Familja Mqaddsa B
IF-FAMILJA EŻEMPLARI
Il-Knisja f’dal-Ħadd bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena tiċċelebra l-festa tal-Familja Mqaddsa, filwaqt li tqegħdilna bħala mudell biex nimxu fuqu l-Familja ta’ Nazaret, familja li tidħol f’kategorija għaliha!
Inħarsu lejn din il-familja unika: il-missier li mhux il-veru missier, l-omm verġni u tarbija li hi l-Iben ta’ Alla! Jekk għandna l-kuraġġ li nħallu l-ġrajjiet jitkellmu, xi ħaġa titħarrek. Għax kif jgħidilna San Luqa fil-Vanġelu li għadna kif xandarna, din hija familja konkreta, reali, li trid tagħmel il-kontijiet mat-taħbit u t-tbatija, mal-imprevisti u l-waqtiet ta’ għeja. Mhijiex koppja ta’ nofs-allat. Ma għandhomx l-anġli magħhom biex jaħslulhom u jgħaddulhom il-ħwejjeġ. Lanqas il-qawwiet tas-sema li jissuġġerixxu lil Ġużeppi l-għażliet li għandu jagħmel. Din il-familja hija eżemplari sewwasew għax bħalna titħabat u tegħja, u bħalna tidħol fi kriżi u jkollha xi tgħid. Marija tgħożż f’qalbha dak li qed jiġri. Tgħixu bil-qawwa kollha, tidħol fih bid-dehen tal-qalb, iżżommu f’moħħha. Huma tabilħaqq ġrajjiet straordinarji: it-tħabbira, il-vjaġġ, it-twelid, iż-żjara tar-rgħajja… Iżda l-mod kif Marija dan tgħixu, donnu qed jgħidilna Luqa, hu kollu kemm hu partikulari. Ma tgħaddix mill-ġrajjiet b’mod passiv, lanqas ma tgħixhom b’mod superfiċjali, ma tħallihomx jegħlbuha. Tgħożżhom, tilqagħhom, tagħmel teżor minnhom, tagħmilhom tagħha, tfittex it-tifsira ta’ kulma jiġri. Tagħmel bil-maqlub ta’ dak li d-dinja tagħna ġġegħelna nagħmlu. Maqbudin bl-impenji, sturduti bl-emozzjonijiet, tlifna l-ħila li nikkonservaw.