Il-Familja Mqaddsa - Sena Ċ
FAMILJA LI TGĦALLIMNA
F’dan l-ewwel Ħadd fuq is-solennita tat-twelid tal-Mulej Ġesu, il-Knisja tqegħdilna quddiemna l-Familja Mqaddsa. Din il-ġrajja mill-Evanġelju ta’ San Luqa mill-ewwel turina kif lanqas Ġesu, Marija u Ġużeppi ma kienu nieqsa mid-diffikultajiet tagħhom. B’hekk ikun aktar faċli għalina li nirrelataw ma’ din il-familja u nħarsu lejha bħala mudell għall-familji tagħna.
Mill-qari li għandna nistgħu noħorġu diversi riflessjonijiet. Forsi jekk nerġa’ naqrah fil-kwiet ta’ dari, nintebaħ li fih hemm kelma li biha l-Mulej għandu messaġġ partikolari għalija fiċċirkustanzi li għaddej minnhom bħalissa. Illum sa nisiltu biss tliet frażijiet, żgur li hemm oħrajn.
“Ma tafux li għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” Is-sens qawwi ta’ missjoni li kellu Ġesu sa minn tfulitu jwassalni biex nirrifletti dwar l-attitudni tiegħi lejn is-sejħa li għandi. Tassew li Ġesu kien il-Messija u l-missjoni li kellu kienet waħda partikolari. Imma jekk hu kien Kristu, forsi jiena m’iniex Kristjan? Forsi fiċ-ċirkustanzi ta’ ħajti ma għandix jiena wkoll missjoni partikolari x’naqdi? U jekk huwa kellu dan id-dmir li jkun f’dak li hu ta’ Missieru, jien naf x’inhuwa d-dmir tiegħi? Xi jrid minni l-Missier?
“Iżda kliemu ma fehmuhx.” Dawn kienu ommu Marija u żewġha Ġużeppi. U jekk dawn iż-żewġ personaġġi, minkejja li kienu tant qrib ta’ Ġesù baqgħu ma fehmux kliemu, neħodha bi kbira li kultant lanqas jiena ma nifhem dak li jgħidli bil-Kotba Mqaddsa, bit-tagħlim tal-Knisja li huwa ħalla warajh, jew bil-ġrajjiet li ngħaddu minnhom jiena u ħuti? Kliemu ma fehmux, imma lanqas ma warrbuh kif forsi kultant nagħmel jiena, anzi għożżewh. U dan iwassalna għat-tielet frażi.
“Ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha.” Xi ħadd jista’ jirrimarka, “Mhux bilfors. Kienet ommu!” Veru, imma snin wara, Ġesu qal ukoll li ommu u ħutu huma dawk kollha li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmluha (Lq 8:21). Forsi anki dal-kliem għalija huwa diffiċli biex nifhmu. Imma jekk ngħożżu f’qalbi għad jasal jum li nintebaħ kif Ġesu kien miegħi u ħdejja kull jum, anki dakinhar meta ma rajtux u ħsibt li kont tliftu. Nintebaħ li jkun ġa sabni hu qabel ma sibtu jien.