Il-Familja Mqaddsa - Sena Ċ
INĦALLU F’IDEJN ALLA L-FAMILJI TAGĦNA
Hija l-festa tal-familja, tgħid il-liturġija. Tal-familja konkreta, oġġettiva, reali li minnha ħriġt jew li ffurmajt jew li nixtieq nifforma. U f’dawn iż-żminijiet il-liturġija tgħinna nirriflettu fuq dil-festa li tqawwi lill-Milied tagħna.
Marija u Ġużeppi jaraw il-Misteru ta’ Alla li jidħol inkiss inkiss, li jgħaddi l-iljieli jibki u jingħi għax ikun qed itella’ s-snien… Mitt darba staqsejt lili nnifsi kemm kellhom fidi dawn il-ġenituri li jemmnu li dik it-tarbija, li kienet bħal kull tarbija oħra, kienet verament l-Iben ta’ Alla. Ġużeppi sikwit kien iħares, fi tmiem il-ġurnata, lejn l-għarusa verġinali tiegħu, imħawwad bil-fidi tagħha bla tarf, filwaqt li jħossu xi daqsxejn inadatt għal dik il-qawwa tal-għaġeb. Marija, meta lil Ġużeppi kienet teħodlu l-kolazzjon f’nofs il-għodwa, kienet tbierek lill-Mulej f’qalbha għax taha sieħeb sempliċi u veru. Il-Familja Mqaddsa tistedinna nħarsu lejn il-membri l-oħrajn tal-familja b’ħarsa ta’ fidi u dawl, biex nilmħu l-Misteru moħbi fin-nies li aħna naħsbuhom għajjenin u ma jinbidlu qatt. Inħallu f’idejn Alla l-familji tagħna, dawk li għandna jew li xtaqna li jkollna, bit-tbatija kollha u l-ferħ, il-kontradizzjonijiet u l-faqar, l-emozzjonijiet u l-ġid li nafu nagħtu. Alla jgħammar magħna u jaqsam magħna kull esperjenza umana.