Il-Familja Mqaddsa - Sena Ċ
INT U JIEN... JEW AĦNA?
Nistgħu nitkellmu fuq mudell ta’ familja meta llum hawn tant ideat ta’ kif wieħed qed jipprova jibni din ir-realtà għażiża? Jew jista’ jkollna kredibbiltà fl-impenn li koppja twiegħed dakinhar taż-żwieġ meta naraw tant infedeltajiet madwarna?
Il-Familja ta’ Nazaret illum tista’ tkun ferment li jqajjem il-valuri spiritwali li ntesew bħal:
- l-istima reċiproka;- it-talb u l-ikel flimkien.
Kliem Marija fil-Vanġelu juri l-għaqda li kien hemm bejnha u bejn Ġużeppi: ‘Missierek u jien...’ Dak li tkun qed iġġarrab hi, ikun qed iġarrbu hu wkoll. Iż-“żwieġ” hu qabża mill-“jien” għall-“aħna”. Jekk din ma sseħħx, ir-relazzjoni tkun superfiċjali u mal-ewwel diffikultà, jaqa’ kollox.
It-tifsira taż-żwieġ hi għanja ħafna. Hi aktar minn wegħda, koabitazzjoni, għaqda bejn is-sessi. Il-“jien” u l-“int”, iridu jissarrfu f’“aħna”. Dan li jfisser ‘isiru ġisem wieħed’; ‘ħaġa waħda’.
Sikwit niltaqa’ ma’ persuni li meta jitkellmu fuq ir-raġel/mara rari jgħidu “aħna”... ‘jien u r-raġel’ jew ‘jien u l-mara’. Oħrajn jqajmu mistoqsija fina għax bilkemm tinduna humiex miżżewġin jew le...dejjem ‘jien, jien...’
Għaliex illum qed ikun hekk diffiċli li koppja tgħix l-ideal li daħlet għalih?
Nitfgħu l-ħarsa tagħna lejn il-mudell li għandna llum: il-Familja Mqaddsa. Forsi xbieha bħal din taqtgħalna ftit qalbna u nsaqsu x’nistgħu nimitaw meta Ġużeppi hu qaddis, Marija hi Omm Alla u t-tifel Bin Alla nnifsu?!
Li l-Familja Mqaddsa kienet differenti mhemm l-ebda dubju. Imma li ngħidu li ma għandniex x’nitgħallmu minnha hi ħarba mir-realtà. Dil-familja wkoll ġarrbet ħafna u kellha tħabbat wiċċha ma’ ħafna problemi:
- meta ma sabux post fejn titwieled it-tarbija;- meta kellhom jaħarbu lejn l-Eġittu;- il-fatt li għexu ħajjithom kollha taħt id-dell tas-salib...
Din mhix familja tal-plastik jew tal-kartapesta. Hi familja ta’ veru li daqet it-tbatija u għalhekk tista’ tifhimna ħafna u tgħinna biex fil-maltemp tal-ħajja l-familja ma titmewwitx u taħrab. Niftakru f’tant familji fis-Sirja u l-Libja li qed ikunu mhedda u jħallu pajjiżhom biex forsi jgħixu aħjar bħala familja.
Hu b’dan il-mod li l-familja tista’ tgħix f’armonija... u dan fil-mumenti sbieħ u anqas sbieħ. Hi din l-esperjenza sabiħa taż-żwieġ li tista’ twassal il-bniedem li jkun xhieda ta’ familja awtentika.