Il-5 Ħadd tar-Randan B
KRISTU MSALLAB JIĠBED IL-BNEDMIN KOLLHA LEJH
Ninsabu Ġerusalemm fi żmien l-Għid, il-festa tal-Lhud. Fis-silta jissemmew xi Griegi. Dawn aktarx kienu Lhud emigranti, li kienu jgħixu fid-dinja Griega, u li marru Ġerusalemm f’pellegrinaġġ għall-festa. Dan ifisser li kienu nies li jħarsu l-liġi ta’ Alla. Dawn xtaqu jaraw lil Ġesù – xewqa sabiħa li turi r-rieda tajba tagħhom. Għalhekk marru għand Filippu, Appostlu b’isem Grieg, li juri li hu wkoll seta’ kien Lhudi emigrant qabel ma l-Mulej għażlu fost it-Tnax. Meta Ġesù sar jaf bihom, quddiemhom beda diskors dwar il-glorifikazzjoni tiegħu, li kienet waslet is-siegħa tagħha. Iżda x’tip ta’ glorifikazzjoni hi din? Minn dak li jingħad nifhmu malajr li din il-glorifikazzjoni ta’ Kristu hija l-mewt tiegħu fuq is-salib. Ġesù jxebbah lilu nnifsu ma’ żerriegħa tal-qamħ li biex tagħti l-frott trid tmut u tindifen taħt l-art. Hekk kellu jsir minn Ġesù: imut, jindifen imma fit-tielet jum iqum u jagħmel ħafna frott. Minn Kristu mejjet ħarġet il-Knisja bis-Sagramenti. Qawwija x-xhieda ta’ leħen il-Missier: “Jiena diġà gglorifikajtu (qabel kull żmien) u nerġa’ nigglorifikah (fuq l-għuda tas-salib). U taqbel ma’ dal-leħen l-istqarrija ta’ Ġesù: “Meta nintrefa’ mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.”