Il-5 Ħadd tar-Randan B
ĠESÙ JERFA IS-SLALEB TAGĦNA
«Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ waħedha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.» Ma jidhirx barra minn postu kliem Ġesù bi tweġiba lit-talba sinċiera tal-Griegi lil Filippu: «Nixtiequ naraw lil Ġesù»? Għaliex il-Mulej tkellem fuq il-ħabba tal-qamħ? Dan għamlu biex jiċċara mill-ewwel lill-Griegi li Alla li kienu marru jfittxu fih, mhuwiex xbieha tal-mod kif huma kienu jħarsu lejn Alla. Mhuwiex Alla maqtugħ għalih, iżolat u ppreservat fis-solitudni perfetta u mqaddsa tiegħu. Tridu taraw lil Ġesù? Hemm hu! Huwa Alla ħaj li jinżel u jmiss l-uġigħ tal-bniedem, isir triq ta’ salvazzjoni sewwasew għax iġorr fuqu dak kollu li mhux mifdi mill-qagħdiet tal-bniedem. U kemm jiswa għalina dal-Vanġelu! Aħna wkoll nixtiequ naraw lil Ġesù f’ħajjitna. U kultant donnu ma jinstabx f’dawk il-qagħdiet li donnhom jidfnuna u jifgawna. Ġesù jagħtina x-xbieha tal-qamħ u jgħallimna li dak li għad-dinja huwa qabar, għan-Nisrani magħqud mal-Mulej jista’ jsir żergħa. Ġesù jidher hemm, fis-slaleb tagħna. Il-preżenza tiegħu tbiddel kollox. Ma jgħibx l-uġigħ, iżda jsir għammiel, jieħu direzzjoni.