Il-5 Ħadd tar-Randan - Sena A
IL-VANĠELU JSIR REALTÀ
«L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek.» Sewwasew illum waqaft fuq dan il-vers għax fakkarni f’kappella ta’ adorazzjoni Ewkaristika li kont żort xi għoxrin sena ilu u maġenb l-ostensorju kien hemm dawn il-kelmiet. Kienu kelmiet miktubin għal kull min imur quddiem Ġesù. Kull min kien jasal kien isib ’il min jistennieh. Sewwasew bħall-Vanġelu kollu. Bħal dal-Vanġelu. Ġesù, «il-qawmien u l-ħajja», ma jinsabx biss fuq il-qabar ta’ Lazzru. Hu jinsab fuq qabri u fuq qabrek. Hu jaqlagħna minn dawk is-sitwazzjonijiet li f’għajnejna jidhru mejtin u mitmuma. Quddiem dan it-tlajjar tagħna: «Mulej, issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet», hu jweġibna deċiż: «Ma għidtlekx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?» Isejħilna biex ma nemmnux fil-vojt, iżda biex nemmnu li l-Vanġelu jsir realtà fina, fis-sitwazzjonijiet konkreti tagħna, fl-agħar esperjenzi li ngħaddu minnhom. Mhux biżżejjed nemmnu fil-qawmien ta’ Kristu, jeħtieġ nemmnu li hu jrid u jista’ jqajjem lilek u lili.